Fl-Università ta’ Malta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet t-tnedija tal-Orange Campaign, organizzata mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija.
Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-istudenti tat-teoloġija, li sena wara oħra, għal dawn il-ħmistax-il sena, organizzaw l-Orange Campaign, u rringrazzjathom ukoll talli jkomplu juru l-impenn soċjali tagħhom permezz ta’ din il-kampanja.
“Ħadt gost li din is-sena qed jagħtu viżibilità lil Dar Hosea, li tilqa’ nisa li jinqabdu fil-prostituzzjoni, u toffrilhom rifuġju u spazju safe fejn iħossuhom dinjitużi u fejn id-drittijiet umani tagħhom huma tassew rispettati. Prosit lil dawn iż-żgħażagħ li qed jerqsu ’l quddiem b’kuraġġ u jitkellmu fuq xi ħaġa li jien nemmen trid tieħu aktar spazju fid-diskursata pubblika li hemm bżonn nagħmlu fuq dan is-suġġett. Din mhijiex issue ta’ grupp ta’ nies, iżda hija issue li tista taffettwa lil ħafna nies”, stqarret il-President.
Fl-aħħarnett, il-President awgurat li din il-kampanja tibqa’ tkun kampanja fejn jingħataw viżibilità issues li ħafna draba nwaddbuhom taħt it-tapit.