Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja tal-investitura tal-midalja tad-deheb Ġieħ l-Akkademja tal-Malti, li din is-sena ngħatat lil Monsinjur Lawrenz Cachia, fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
“F’isem il-poplu Malti u Għawdxi rrid ngħid grazzi minn qalbi lil Monsinjur Lawrenz Cachia tal-ġid kbir li għamel lil ġensna bil-kitbiet tiegħu, ta’ dan l-għarfien dwar il-kobor ta’ lsien pajjiżna – ilsien uniku fid-dinja, ilsien li jagħtina identità unika. Irrid nagħtih ħajr għax il-ġid li għamel, flimkien ma’ bosta kittieba oħra bħalu, lil ġensna, hu kbir wisq. Bla dubju ta’ xejn il-midalja tad-deheb ta’ Ġieħ l-Akkademja tal-Malti li l-Monsinjur Cachia ġie ppremjat biha hi biss turija żgħira ta’ apprezzament lejn il-kobor li wettaq. Għal darba oħra, grazzi Monsinjur Cachia tal-ġid li għamiltilna. Ġid li mhu se jintilef qatt”, qalet il-President.
Il-President irringrazzjat ukoll lil Ġieħ l-Akkademja tal-Malti tax-xogħol siewi li tagħmel favur il-lingwa Maltija u qalet li tinsab kburija li Ġieħ l-Akkademja tal-Malti hi l-kuratur ta’ Librerija Anton Buttigieg fi ħdan il-Palazz ta’ Sant’ Anton – “Librerija li nittama li tkompli timtela bil-kotba ħalli tkun tassew librerija fejn nagħtu ġieħ lill-ilsien tagħna, fejn napprezzaw il-kittieba tagħna u fejn nuru l-kapaċità ta’ ġensna”, kompliet il-President.
Monsinjur Lawrenz Cachia twieled Ħaż-Żebbuġ fl-1932. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo (tal-Ħamrun u tal-Belt) u aktar tard fl-Università ta’ Malta minn fejn kiseb il-liċenzjat fit-Teoloġija. Beda l-quddiesa fl-1956 u għamel id-dmirijiet pastorali tiegħu bħala kappillan tal-Gudja (1959–1963) u bħala arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ (1963–1983). Fl-1984 inħatar membru tat-Tribunal taż-Żwiġijiet, kariga li baqa’ jżomm għal 22 sena sħaħ sas-sena 2006. Fl-1994 ingħata t-titlu ta’ monsinjur bħala membru tal-Kapitlu tal-Katidral. Illum hu rtirat fid-Dar tal-Kleru fejn daħal 16-il sena ilu.
Bħala president tas-Soċjetà Christus Rex, Monsinjur Cachia kien wieħed mill-fundaturi tar-rivista Pastor u għal bosta żmien serva fil-bord editorjali tagħha. Sehmu f’din ir-rivista ħeġġu jidħol aktar fil-fond fl-istudji teoloġiċi b’neċessità. Ta sehmu wkoll fil-qasam tax-xandir u kien involut f’diversi serje ta’ programmi reliġjużi fuq Radju Malta u wara ċertu żmien fuq l-RTK. Wara li rriżenja minn arċipriet ta’ Ħaż-Żebbuġ, daħal fil-Fraternità ta’ Charles de Faucauld u beda jieħu ħsieb ir-rivista tal-istess fraternità. Fl-1996 il-Gvern onora lil Monsinjur Cachia u ħatru membru tal-Ordni tal-Mertu għax-xogħol tiegħu b’riżq l-ilsien Malti.
Ma setax jonqos li bħala Żebbuġi jinteressa ruħu fil-ħajja u fix-xogħol ta’ Dun Karm Psaila u ta’ Mikiel Anton Vassalli – Żebbuġin bħalu. Ħareġ tliet kotba dwar il-poeta nazzjonali: Dun Karm: Il-Poeta Nazzjonali – Antoloġija Kkummentata (1999), Dun Karm: Il-Ħajja tal-Poeta Nazzjonali (2011), u Dun Karm bħala Qassis (2013). Dwar Vassalli ħareġ ukoll tliet kotba: Mikiel Anton Vassalli: Ħajtu fil-Qosor (1988), traduzzjoni ta’ Il-‘Grammatica Melitensis’ ta’ Mikiel Anton Vassalli (1996), u edizzjoni tal-‘Lexicon’ jew Dizzjunarju Malti-Latin-Taljan (2016).
Studji oħrajn li jmissu mal-ilsien Malti jinkludu: Il-Verb fil-Malti: Studju dwar il-Forom (1984), Grammatika Ġdida tal-Malti (1994), L-Ilsien Malti: Ilbieraħ u Llum (1994), edizzjoni ta’ L-Ewwel Dizzjunarju Malti tal-Kavallier Thesan (1999), Ħabbew l-Ilsien Malti (2000) u Ilsna Semitiċi (2004).
Kif wieħed jista’ jobsor, Monsinjur Cachia tana wkoll diversi kotba oħra ta’ natura reliġjuża. Dawn jinkludu: Missirijiet il-Knisja (1997), Il-Bibbja bħala Letteratura (2001), u L-Istorja tal-Kotba Mqaddsa Maqlubin għall-Malti (2013). Fl-1991 kien ittraduċa l-Kantiku Spiritwali ta’ San Ġwann tas-Salib. L-aħħar xogħol tiegħu hu: Il-Konċilji Ekumeniċi (2017).