Il-President Marie-Louise Coleiro Preca proponiet li biex jisaħħaħ il-proċess ta’ adozzjoni jinħatar Guardian ad litem ħalli jkompli jiġi assigurat li d-drittijiet tat-tfal jiġu salvagwardjati.
Il-Guardian ad litem diġà jifforma parti mill-abbozz tal-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-irwol tiegħu se jkun li jħares u jippromovi l-aħjar interess tat-tfal.
B’dan il-mod it-tfal ikunu fiċ-ċentru tal-proċess tal-adozzjoni.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat issieħeb mal-ħsibijiet tal-President u qabel mal-proposta mressqa b’rabta mal-proċess tal-adozzjoni.
Semma kif każijiet tal-care orders iridu jinfatmu minn taħt idejn il-politiku u jingħataw għal kollox f’idejn l-esperti.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal vot li se jittieħed illejla fil-Kamra tad-Deputati dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-unjonijiet ċivili li fi kliem Dr Muscat se jwassal għal żvilupp storiku, li se jaħdem fl-interess tat-tfal u tal-ugwaljanza.
Il-Prim Ministru sostna li l-ebda tifel jew tifla, u l-ebda persuna ma għandha tbati minn diskriminazzjoni.
Il-Prim Ministru qal li t-tħassib tal-President huwa t-tħassib tal-Gvern, u huwa għalhekk li l-interessi tat-tfal jinsabu f’post daqstant importanti fl-aġenda ta’ xogħol li jrid jitwettaq.