Kien dan il-qofol tal-messaġġ li President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, għaddiet waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni tal-programm tar-riabilitazzjoni tal-Caritas, nhar l-Erbgħa li għadda.
B’rabta mat-tema li l-Caritas għażlu għal din is-sena, il-President Coleiro Preca qalet li l-gradwati huma sors ta’ kuraġġ, għax wara s-sagrifiċċju ta’ vjaġġ li kultant ikun twil, jagħmlu riżoluzzjoni ta’ mħabba u ħajja.
Filwaqt li hi ngħaqdet mar-ringrazzjamenti li għamlu Monsinjur Arċisqof u s-Sur Leonid Mc Kay, għall-appoġġ qawwi li hemm mill-awtoritajiet, għall-Caritas, il-President qalet li rrridu nkomplu ntejbu dak l-appoġġ f’affarijiet mill-iktar bażiċi. Dan billi nassiguraw li bħala membri tas-soċjetà, inħobbu u nuru solidarjetà billi nkunu sensittivi u nifhmu, ħalli nagħtu dik l-ispalla li hemm bżonn. Dan jingħaqad imbagħad ma’ servizzi oħra li hemm bżonn.
Il-President appellat biex il-gradwati, speċjalment in-nisa, jingħataw l-appoġġ meħtieġ biex ikollhom fejn jgħixu b’mod diċenti. Hija tkellmet ukoll fuq l-issue tax-xogħol, fejn uħud mill-gradwati jsibu diffikultajiet biex isibu x-xogħol. Kien hawn li l-President irringrazzjat lil dawk l-employers, li fetħu qalbhom biex jagħtu ċ-ċans li huma jagħtu lill-gradwati biex jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u appellat biex aktar employersjagħmlu din l-għażla. “Ix-xogħol jagħti dinjità, jagħti skop u jagħti l-ħajja,” qalet il-President.
Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca għamlet appell fuq il-kwistjoni tad-dewmien fil-qrati. Hija qalet li meta jkun hemm dewmien bla bżonn, il-healing process u r-riabilitazzjoni jiġu mxekkla.
Il-President irringrazzjat lill-Caritas, u lil Dun Victor Grech, għall-viżjoni tiegħu. Hi rringrazzjat ukoll lill-Knisja li għarfet din il-viżjoni u lil Leonid McKay li qed jkompli jmexxi l-legat.
“Grazzi lil dawk il-ġenituri li ma qatgħux qalbhom minn uliedhom, imma komplew jfittxu u jsibu l-appoġġ, sakemm waslu lil uliedhom fuq l-għetiebi tal-Caritas. Għeżież gradwati, grazzi li lilna qed tagħtuna eżempju. Bl-eżempju tagħkom jien qed nifhem li fil-ħajja l-isfidi nsibuhom, imma irridu nkunu determinati. Irridu nemmnu, irridu nafdaw, irridu nfittxu l-għajnuna,” temmet tgħid il-President.