“Jiena u żewġi Edgar nagħtu ħajr lill-poplu Malti u Għawdxi li wieġeb għas-sejħa li għamilna biex jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ solidarjetà b’risq il-Malta Community Chest Fund”, sostniet il-President Coleiro
Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, l-artisti u partikolarmanent l-amministrazzjoni tal-MFCC li kkonfermaw l-użu tas-sala biex tkun tista’ tittella’ serata oħra l-Ħadd. Spjegat li Rockestra issa hija parti mill-kalendarju kulturali Malti.
Il-President Coleiro Preca qalet li tinsab konvinta li permezz tal-qalb kbira tal-poplu Malti u t-talent lokali, se jiġi preżentat spettaklu mill-aqwa biex permezz tiegħu nuru l-imħabba u s-solidarjetà ma’ min għandu bżonn.
Indirizza wkoll l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici, li wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-organizazzjoni tat-tieni serata. Spjega kif Rockestra se tkun ta’ pjattaforma għat-talent ġdid. Ma’ dan ingħaqad il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għall-Kultura Dr Francis Zammit Dimech li spjega kif din hija okkażjoni ta’ ringrazzjament doppju għaliex aktar nies se jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’risq il-Malta Community Chest Fund.
Id-direttur mużikali ta’ Rockestra Sigmund Mifsud qal li bħalissa diġa bdew il-preparamenti bil-provi għal Rockestra u assigura lil dawk kollha li se jattendu għat-tieni serata li l-ispettaklu mtella’ se jkun bħal dak tal-ewwel serata. Min-naħa tiegħu d-direttur artistiku Pawlu Borg Bonaci appella lil dawk interessati biex jaħtfu dan l-aħħar ċans u jixtru l-biljetti għal Rockestra.
Mil-lum, kull min huwa interessat jista’ jibbukkja l-biljetti tas-serata tal-Ħadd 28 ta’ Settembru mis-sit elettroniku www.ooii.com.mt inkella mill-Palazz, il-Belt jew il-Palazz ta’ Sant’Anton. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.rockestra.org.mt, iċempel fuq 21 226 226 jew jibgħat imejl fuq [email protected].