Imnedija Community Day b’risq il-Malta Community Chest Fund

Illum waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San Anton, ġiet varata Community Day b’risq il-Malta Community Chest Fund. Din l-attività qed titnieda għall-ewwel darba fil-ħwienet u n-negozji kollha f’Malta u f’Għawdex.
 
Din l-attività  tikkonsisti f’sostenn mill-ħwienet Maltin li għal jum wieħed biss se jagħtu perċentwal mill-bejgħ tagħhom lill-Malta Community Chest Fund.  Il-perċentwal se jkun skont l-għażla tal-imprenditur sabiex kulħadd jitħalla fil-libertà tiegħu li jagħti kemm jista’. 
 
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif il-flus li jinġabru minn din l-attività se jmorru għall-bżonnijiet ta’ dawk li qed jiġu bżonn l-għajnuna f’kimoterapija speċjalizzata u mediċini speċjalizzati mill-MCCF.  B’hekk, nassiguraw li l-Maltin u l-Għawdxin li qed jiġġieldu l-marda tal-kanċer u mard kroniku sever, isibu l-għajnuna kollha li għandhom bżonn.
 
Id-data tal-attività hija fit-2 ta’ Mejju 2015.  Dan il-jum qed jiġi rriklamat fuq il-mezzi tax-xandir kollha lokali sabiex il-pubbliku jiġi mħeġġeġ joħrog jixtri.     
 
Is-sindki tal-lokalitajiet qed jiġu mħeġġa li jagħtu s-sostenn tagħhom għal din l-attività. 
 
Min jixtieq jieħu sehem jista’ jikkorrispondi bl-email fuq [email protected] jew jikkuntattjana permezz tat-telefon fuq 21 226 226.