Imniedi l- ‘Get Into Project’, l-ewwel proġett pilota tal-President’s Trust.

Il-President’s Trust li twaqqfet f’Mejju li għadda b’kooperazzjoni mal-Prince’s Trust tal-Ingilterra, nediet l-ewwel proġett pilota f’Malta ‘Get Into Project’ li permezz tiegħu erba’ żgħażagħ ingħataw taħriġ ta’ xogħol mal-kumpannija Marks & Spencer bil-possibilita’ wkoll li jsibu mpjieg.    Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San Anton fejn il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif l-għan tal-President’s Trust huwa li jiġu mgħejuna żgħażagħ f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

 

Il-President spjegat kif il-Prince’s Trust tal-Ingilterra mwaqqfa mill-Prinċep Karlu qegħda għall-ewwel darba f’erbgħin sena minn kemm ilha mwaqqfa taħdem fi proġett barra l-Ingilterra, bil-kollaborazzjoni mal-President’s Trust f’Malta.  Dan hekk kif wara diskussjonijiet li saru fl-Ingilterra, il-Prince’s Trust iffirmat Memorandum of Understanding mal-President’s Trust biex flimkien isiru proġetti ta’ ġid għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

 

Il-President spjegat li “Il-filosofija tat-Trust hija li ġġib flimkien nies fin-negozju, u speċjalisti fis-suq tax-xogħol biex inkissru ċ-ċirku tal-faqar f’pajjiżna.  Din mhix marbuta mal-fqir biss iżda ma’ poplu sħiħ. U dan huwa l-iskop li permezz ta’ nies ta’ negozju, jinħolqu programmi ta’ ‘empowerment’ biex żgħażagħ f’sitwazzjoni vulnerabbli jingħataw dinjita’ u jsaħħu l-qagħda ta’ ħajjithom u jimxu ‘l quddiem.”   Il-President irringrazzjat lil nies tan-negozju li qed jagħtu appoġġ lill-President’s Trust biex iktar żgħażagħ jingħataw dan l-appoġġ u b’hekk jiġi ndirizzat il-faqar f’pajjiżna.  Rringrazzjat ukoll lid-direttur tal-President’s Trust Sarah Borda Bondin, u lit-Trustees kollha għax-xogħol siewi tagħhom.

 

Il-Kap Eżekuttiv tal-President’s Trust, is-Sur Winston Żahra spjega li għal dan l-ewwel proġett pilota bl-isem ta’ ‘Get Into Project’, erba’ żgħazagħ ġew identifikati mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ,  ġew imħarrġa f’ħiliet bażiċi ta’ xogħol u għamlu esperjenza ta’ xogħol fil-ħwienet ta’ Marks and Spencer.  Waqt din l-esperjenza iż-żgħażagħ kellhom magħhom job coach u buddy li kienu ta’ sapport u li setgħu jagħtu attenzjoni u taħriġ individwali. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ taw it-taħriġ fil-ħiliet bażiċi tax-xogħol u aċċertaw li l-kontenut tat-taħriġ u l-metodi wżati kienu ta’ livell tajjeb.

 

“Ninsab infurmat li l-Marks and Spencer huma sodisfatti bil-ħidma ta’ dawn l-erba’ zgħażagħ fil-ħwienet tagħhom u b’hekk saħħew iktar   il-possibilita’ li jsibu xogħol. Dan kien proġett pilota  u l-pjani tagħna huma li permezz ta’ nies ta’ negozju f’pajjiżna, nestendu dan il-proġett f’aktar oqsma ta’ xogħol varji.”