Imniedi l-ktieb ‘Phoenix Rising – Starting over after domestic violence’, bis-saħħa ta’ fondi li nkisbu mill-Premju tal-President għall-Kreattività

Is-St Jeanne Antide Foundation għadha kif ippubblikat ktieb ġdid bl-isem ta’ ‘Phoenix Rising – Starting over after domestic violence.’ Dan huwa ktieb dwar il-vjaġġ li nisa li jkunu ġarrbu vjolenza domestika u qed jibnu ħajjithom mill-ġdid (survivor) ikollhom jgħaddu minnu wara li jaħarbu mis-sieħeb vjolenti tagħhom. Il-ktieb huwa riċerkat u miktub minn nisa survivors stess.

Bis-saħħa ta’ fondi li nkisbu mill-Premju tal-President għall-Kreattività, li huwa mmaniġġjat mal-Kunsill Malti għall-Arti, din il-pubblikazzjoni hija l-għeluq ta’ proġett usa’ My Survival, My Experience.

Id-disa’ kapitli ta’ dan il-ktieb jiftħu tieqa fuq id-dinja turbulenti ta’ vjolenza u manipulazzjoni, u l-isforzi kbar kontra l-oppressjoni u d-disprament. Il-kapitli jinkludu ħames dokumenti ta’ riċerka kwalitattiva ma’ tnejn u għoxrin mara li għelbu l-vjolenza, u rendikont tal-esperjenza kollettiva tagħhom. Il-pubblikazzjoni tiddiskuti temi komuni bħall-esperjenzi fl-għases tal-pulizija, l-esperjenzi fil-Qrati, xi jfisser li mara bit-tfal tispiċċa barra minn darha u bla saqaf, u l-effetti tal-vjolenza ekonomika, tal-medjazzjoni u tas-separazzjoni fuq in-nisa survivors. Il-kapitlu tal-aħħar jinkludi rakkomandazzjonijiet għall-prattiċi aħjar li ħarġu mill-Konferenza Nazzjonali tas-Servizz SOAR tal-Fondazzjoni, li saret f’Diċembru 2015.

‘Phoenix Rising’ huwa testment tal-kuraġġ kbir tan-nisa survivors u tad-determinazzjoni tagħhom biex jegħelbu xkiel kbar fis-sistemi, sabiex jassiguraw id-dritt tagħhom ta’ ħajja dinjituża bla moħqrija u vjolenza.

L-illustrazzjonijiet tal-ktieb huma kollha xogħol in-nisa survivors stess. Pinġewhom waqt programm tal-Arti bħala Terapija. B’entużjażmu, huma għażlu li jaqsmu dawn l-espressjonijiet artistiċi tagħhom mal-pubbliku bħala strument ta’ attiviżmu.