Waqt it-tnedija tal-Artistic Embellishment on Wheels organizzat miċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra, il-President Marie-Louise Coleiro Preca ddeskriviet dan il-proġett bħala mudell li fuqu għandha timxi s-soċjetà Maltija biex tassew tkun qed tħaddan l-integrazzjoni.
Dan hekk kif il-proġett, li ġie ffinanzjat mill-Premju tal-President għall-Kreattività, qanqal sens ta’ responsabilità fost il-komunità ta’ San Pawl il-Baħar. Il-komunità ħadet ħsieb aħjar tal-ambjent madwarha b’diversi modi, fosthom permezz ta’ riċiklar ta’ tyres li ntużaw bħala kontenituri tal-pjanti.
Dan il-proċess inkluda l-involviment tal-komunità kollha inkluż l-anzjani u t-tfal. Il-President Coleiro Preca ddeskriviet dan bħala importanti ħafna għax dawn l-attivitajiet inter-ġenerazzjonali u inter-kulturali jgħinu fil-proċess tal-integrazzjoni.
Madankollu, saħqet il-President Coleiro Preca, l-integrazzjoni ma tistax tiġi min-naħa waħda biss, iżda jrid ikun hemm ir-rieda minn dawk li jkunu jridu jiġu integrati, billi fost l-oħrajn jitgħallmu l-lingwa Maltija u jifhmu l-kultura u d-drawwiet tal-poplu Malti u Għawdxi.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia qal li tul dawn l-aħħar ġimgħat kellu l-opportunità li jattendi għal diversi attivitajiet organizzati miċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra.
Huwa qal illi dawn l-attivitajiet juru biċ-ċar li l-opportunitajiet qed jinbidlu f’successi. Il-Ministru Farrugia sostna li huwa grazzi għad-determinazzjoni li jinkisbu ir-riżultati.
Matul l-attività tat-Tnejn filgħodu l-Ministru Farrugia semma kif f’dawn l-aħħar xhur kompliet tiżdied ir-rieda għal aktar xogħol fil-komunità. Permezz ta’ wieħed mill-proġetti, LEAP, matul is-sena 2014 u sena 2015 se jkomplu jikbru u jiżdiedu s-servizzi fi ħdan il-komunità.
“Ma’ dawn hemm aktar inizzjativi effiċjenti li ser ikunu qed jitħabbru fiż-żmien li ġej,” temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.
Fi tmiem l-attività, it-tfal li pparteċipaw fil-Kids Scene Summer Project 2014 ingħataw ċertifikat mill-President Marie-Louise Coleiro Preca.