Waqt riċeviment ospitat mill-Ambaxxatur Iżraeljan Oren David, fl-okkażjoni tas-sitta u sittin anniversarju mill-indipendenza tal-Istat Iżraeljan, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-pajjiżi kollha tal-Mediterran għandhom jimpenjaw ruħhom favur il-paċi li tagħti stabilità lir-reġjun.
Il-President uriet it-tħassib tagħha għall-instabilità politika fil-Libja, l-kunflitt li għadu għaddej fis-Sirja u l-aħħar vjolenza mdemmija li qamet fl-Iraq.
Hija tkellmet fuq ir-relazzjonijiet tajba li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi u sostniet li Malta se tibqa’ tappoġġja s-soluzzjoni taż-żewġ stati biex tintlaħaq il-paċi bejn Iżrael u l-Palestina.
Il-President ta’ Malta semmiet il-konnessjoni storika bejn iż-żewġ pajjiżi li f’perijodi differenti laqgħu l-Ordni ta’ San Ġwann filwaqt li fakkret li f’Ġerusalemn hemm komunità Maltija li qed twettaq ħidma soċjali kbira.
Il-President Coleiro Preca elenkat għal ġid li qed jinħoloq permezz tal-ħidma bejn Malta u l-Iżrael fl-oqsma tal-kummerċ u t-turiżmu u awgurat li dan il-ġid jibqa’ jitkattar għal benefiċċju taż-żewġ pajjiżi.