Inawgurata s-Sala Antoine de Paule, fil-Palazz ta’ Sant’Anton

Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, kienet inawgurata s-Sala Antoine de Paule. Ir-restawr ta’ din is-sala hija fażi oħra minn proġett estensiv ta’ restawr li għaddej fil-Palazz, wara li tul is-sentejn li għaddew, kienu inawgurati s-sala tal-mużika (Music Room), il-Librerija Anton Buttigieg u l-uffiċini tal-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.

Waqt l-inawgurazzjoni uffiċjali l-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, stqarret li għaliha “dan huwa mument ieħor meta, bħala ċittadina Maltija, inħossni kburija bil-wirt storiku tagħna u kburija wkoll bit-talenti ta’ tant nies, li reġgħu taw il-ħajja lil din il-parti ta’ dan il-Palazz tant majestuż, biex b’hekk illum għandna sala mgħammra b’kollox, biex tintuża għall-ħtiġijiet tal-lum.”

Il-President qalet li l-Palazz ta’ Sant’Anton jirrapreżenta eżempju prezzjuż ta’ wirt storiku għall-gżejjer tagħna u żiedet tgħid li hija r-responsabbiltà tagħna biex dan il-wirt storiku nippreservawh għall-ġenerazzjonijiet futuri tagħna. “Kien għalhekk, li l-Presidenza qed tagħti prijorità għall-strateġiji ta’ restawr rispettuż f’diversi żoni tal-Palazz ta’ Sant’Anton,”, stqarret il-President Coleiro Preca.

Il-Palazz ta’ Sant’Anton inbena minn Fra Antoine de Paule, fl-1620. Il-binja oriġinali kienet tintuża bħala residenza tas-sajf tal-istess de Paule. Din il-parti tal-Palazz għadha nfatti msejħa De Paule Suite, u s-Sala de Paule li ġiet inawgurata tifforma parti minn din il-parti tal-binja. Meta de Paule imbagħad sar Gran Mastru, kompla jespandi l-Palazz ta’ Sant’Anton.

Il-President irringrazzjat lil kull min kien involut biex dan il-proġett isir realtà, fosthom lill-Periti William Soler u Paul Borg minn DeMicoli and Associates, lill-ħaddiema tal-Uffiċċju tal-President, taħt it-tmexxija tas-Sur Alfred Debono, lill-kuntratturi kollha li ħadmu f’dan il-proġett, u lill-MFSA, li offrew il-fondi għar-restawr kontinwu li għaddej bħalissa fil-Palazz ta’ Sant’Anton.

Ir-restawr fil-Palazz għadu għaddej hekk kif bħalissa qegħdin jiġu rrestawrati tlett ikmamar li kienu jintużaw bħala uffiċini, biex b’hekk, il-Palazz ser jkollu tlett ikmamar statali ġodda.