Fil-Palazz, il-Belt Valletta, il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet il-ftuħ ta’ wirja tal-arti tal-iskola San Injazju bit-tema ‘Ilma,’ li tifforma parti mill-HSBC Water Programme.
Il-President Coleiro Preca faħħret is-sens ta’ kollaborazzjoni li ġġib magħha din il-wirja li sena wara l-oħra baqgħet tiżviluppa.
“Kemm hu sabiħ li nitgħallmu naħdmu flimkien, u kemm flimkien kapaċi nagħmlu affarijiet bir-rieda u bl-ispirtu ta’ team u ta’ kollaborazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa tajba ħalli nagħtu viżibilità lill-organizzazzjoni li qegħdin fiha”, qalet il-President.
Il-President faħħret lill-Kulleġġ San Injazju talli sena wara oħra, “qed tkomplu tinsistu u tagħtu viżibilità fuq l-importanza tal-ilma”. Żiedet li permezz ta’ dan il-proġett “qed ningħaqdu mad-dinja u nagħmlu statement li jorbot ma’ dak li fl-2015 il-mexxejja tad-dinja fil-kwartieri tal-Ġnus Magħquda kkommettew ruħhom bir-responsabbiltà biex jaħdmu u jwettqu fil-prattika l-Aġenda 2030 u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari mira numru 6 li titratta l-kwistjoni tal-ilma”.
Il-President semmiet li kull darba li l-Kulleġġ San Injazju jaħdem fuq inizjattiva bħal din, “aħna nkunu qed nuru li, fil-prattika, anke fiċ-ċokon ta’ pajjiżna, għandna responsabbiltà lejn l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda”, u qalet li din hi responsabbiltà kbira għax l-ilma “ma nistgħux neħduh for granted”.
Fl-aħħar nett il-President inkoraġġiet lit-tfal u liż-żgħażagħ li pparteċipaw biex jibqgħu jkunu attivisti tal-ambjent u tal-paċi, fid-dawl li min m’għandux ilma li hu safe, qed jgħix f’inugwaljanza kbira u fejn hemm l-inugwaljanzi hemm it-tensjonijiet soċjali.
“Il-fatt li intom qed tippreżentaw proġetti bħal dawn – fejn qed tgħidulna biex nibżgħu għall-ilma – qed tgħidulna li f’pajjiżna intom qed tieħdu ħsieb minn issa biex ma jkollniex inugwaljanzi u ma jkollniex tensjonijiet soċjali”, ikkonkludiet il-President filwaqt li rringrazzjat lil kull min kien involut f’dan il-proġett għal sena oħra.
Fl-aħħar taċ-ċerimonja żewġ studenti mill-Kulleġġ San Injazju ppreżentaw donazzjoni għall-Malta Community Chest Fund Foundation lill-President Coleiro Preca.