Waqt it-tnedija tal-kampanja nazzjonali dwar il-Prevalenza tan-Nuqqas ta’ Smigħ fost l-adulti organizzata mill-kumpanija OK Medical u l-kunsilli lokali, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjathom li ħadu din l-inizjattiva, biex jagħmlu screening b’xejn għall-adulti fil-gżejjer tagħna, minħabba il-prevalenza tan-nuqqas tas-smigħ.
Il-President semmiet kif 16% tal-adulti Ewropej ibatu minn nuqqas ta’ smigħ. Madwar 71 miljun adult fl-Ewropa, bejn l-età ta’ 18 u 80 sena ibatu minn nuqqas ta’ smigħ, u fl-Ewropa, wieħed minn kull sitta biss, minn dawk li għandhom bżonn hearing-aids, jagħmlu użu mill-hearing aid.
“Kampanja bħal din ġewwa pajjiżna, hija importanti biex nassiguraw kwalità ta’ ħajja aħjar u inklużjoni soċjali, għal dawk li ibatu minn nuqqas ta’ smigħ,” tenniet il-President Coleiro Preca.
Il-President ħeġġet lill-Maltin u l-Għawdxin, biex jagħmlu użu minn dan is-servizz bla ħlas, li ser jkun ipprovdut permezz ta’ din il-kampanja.
Din it-tnedija saret fil-bini tal-Kunsill Lokali tal-Imsida. Il-President faħħret il-fatt li, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali qed tikkollabora fuq din l-inizjattiva, biex il-Kunsilli Lokali jkunu mezz li jipprovdu għajnuna diretta lill-membri fil-komunitajiet, ħalli jassiguraw komunitajiet li jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar.