Kien dan il-messaġġ li għaddiet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt l-aħħar sessjoni ta’ The President’s Secret Garden, organizzat mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, li din is-sena iffukat fuq attivitajiet bit-tema tal-peacebuilding.
Il-President Coleiro Preca fakkret lit-tfal li l-paċi rridu naħdmu għaliha kuljum billi nirrispettaw lil xulxin u billi nagħtu d-dinjità lil xulxin il-ħin kollhu.
“Jekk aħna vera nħobbu l-paċi, irridu nibqgħu nirrispettaw lil dak li jkun. Jekk, per eżempju, għandna persuna waħda fl-iskejjel jew fil-komunitajiet li qed tkun bullied, aħna ma nistgħux ngħidu li qed ngħixu fil-paċi, għax lil dik il-persuna tellifnilha l-paċi, u tellifna l-paċi lill-familja u lill-ħbieb tagħha”, qalet il-President. Dan filwaqt li appellat lit-tfal u ż-żgħażagħ preżenti biex ta’ kuljum jiżviluppaw kultura ta’ paċi pożittiva fejn, “aħna min aħna, nirrispettaw lil xulxin, anke jekk ma naqblux”.
Il-President Coleiro Preca ħeġġet lit-tfal u ż-żgħażagħ biex ikunu l-attivisti tal-paċi pożittiva f’Malta u f’Għawdex ħalli fil-futur qrib, meta jkunu qed imexxu lil pajjiżna, ikunu jistgħu jgħidu li tassew aħna ngħixu fil-paċi.
Fl-aħħarnett, il-President ħeġġet lit-tfal u ż-żgħażagħ biex dak li tgħallmu waqt is-sessjonijiet ta’ The President’s Secret Garden jiħduh magħhom fil-klassijiet, fil-komunitajiet, u fid-djar tagħhom, sabiex iwasslu l-messaġġ li jridu jgħixu f’ambjent ta’ rispett u dinjità.