F’indirizz li għamlet il-President Marie-Louise Coleiro Preca meta ltaqgħet ma’ grupp ta’ emigranti Maltin residenti l-Awstralja, qalet li kull Malti u Maltija li jemigra, jibqa’ ta’ Malta u Malta tibqa’ tagħhom.
Iż-żjara tal-emigranti Maltin, koordinata mill-Kummissjoni Emigranti, saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton l-Erbgħa filgħodu, bil-President tilqa’ l-emigranti f’waħda mis-swali statali tal-Palazz.
Il-President Coleiro Preca qalet li riedet tagħti l-opportunità lil dawn l-emigranti biex anke huma jgawdu u japprezzaw il-patrimonju Malti.
Sostniet li kuntatt kontinwu bejn il-Maltin f’Malta u l-Maltin fl-Awstralja huwa importanti ħafna biex tonqos ftit mid-distanza kbira li hemm bejn iż-żewg pajjiżi.
Hawnhekk semmiet proġett li qed taħdem fuqu l-Presidenza bil-għan li l-kuntatt bejn iż-żewġ pajjiżi jkompli jissaħħaħ. Dan għandu jwassal għal komunikazzjoni regolari bejn Malta u l-Awstralja, sostniet il-President.
Il-President Coleiro Preca qalet li se tkun qed iżżur l-Awstralja s-sena d-dieħla biex fost l-oħrajn tkun tista’ tiltaqa’ mal-komunità Maltija.
Temmet b’appell lill-Maltin fl-Awstralja biex jibqgħu jagħtu viżibilità lil Malta u biex ikomplu jagħmlu suċċess barra minn xtutna f’isem pajjiżna.
Il-Kummissjoni Emigranti, li taħdem mill-viċin mar-refuġjati, laqqgħet ukoll lill-President Marie-Louise Coleiro Preca ma’ Tages Gebregzabhe, l-Eritrean li jumejn ilu ngħaqad ma’ ibnu ta’ sentejn li safa iltim fil-Libja.