Il-President ta’ Malta ppresediet t-tnedija tar-riżultati tal-proġett “Enhancing Student-Teacher Relationships,” imħejji minn “National Institute for Childhood”, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà. Il-President qalet li dan il-proġett huwa tassew interessanti għaliex jiġbor fih l-impenn li għandhom l-Fondazzjoni u l-Istitut biex inkomplu nsemmgħu l-vuċijiet tat-tfal, u ngħinu biex tkompli tissaħħaħ aktar is-sistema edukattiva.
Il-President spjegat li l-istudju jesplora x’inhuma l-fatturi li jiddefinixxu relazzjonijiet tajbin bejn l-istudenti u l-għalliema. F’dan l-istadju joħroġ ċar kif ir-relazzjonijiet tajba bejn l-għalliema u t-tfal jikkontribwixxu għas-suċċess edukattiv tat-tfal.
“Din ir-riċerka hija ta’ importanza nazzjonali għaliex tista’ twassal biex tiddentifika fatturi li jiddeterminaw kif nifhmu r-relazzjonijiet bejn l-istudent u l-edukatur,” saħqet il-President filwaqt li żiedet li tinsab ħerqana biex tara l-frott ta’ din ir-riċerka f’pubblikazzjoni “li m’għandix dubju ħa sservi t’għodda biex nsaħħu aktar l-awareness fuq id-drittijiet tat-tfal. Nemmen ukoll li din ir-riċerka tista’ tkun ta’ ispirazzjoni għal kull min jaħdem f’dan il-qasam biex ninkoraġġixxu lill-edukaturi u l-għalliema tagħna nifhmu dejjem aktar kif iħossuhom it-tfal.”