“Irridu nibgqħu naħdmu sabiex l-anzjanità attiva ssir mod ta’ ħajja”

Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ippresediet iċ-ċerimonja tal-premju ‘Nazzareno Vassallo’, organizzat minn CareMalta, fil-Palazz Verdala.

 

F’diskors waqt din iċ-ċerimonja, il-President Coleiro Preca stqarret li din iċ-ċerimonja hija festa ta’ ħafna valuri li jiddistingwu lis-soċjetà Maltija, fosthom il-valur tal-ġenerożità – meta taħseb f’ħaddieħor, il-valur tas-solidarjetà – meta tieqaf ma’ ħaddieħor u l-valur tal-anzjanità attiva. Il-President qalet li dan il-premju juri wkoll li hemm għarfien dwar l-anzjanità attiva fuq livell komunitarju u hawn irringrazzjat lill-komunitajiet li identifikaw u nnominaw lill-persuni li ġew nnominati.

 

“Kemm hu sabiħ dan il-poplu li għandu dawn it-teżori fl-anzjani tagħna. Jeħtieġ li nkunu responsabbli u jeħtieġ li nibqgħu nagħmlu ħilitna ħalli nkomplu ninkoraġixxu lill-anzjani tagħna biex jkunu attivi fis-soċjetà. Jien ninsab konvinta li aktar ma jgħaddi żmien, aktar rridu naħdmu sabiex l-anzjanità attiva ssir mod ta’ ħajja”, tenniet il-President.

 

Fl-aħħarnett il-President irringrazzjat lill-anzjani tax-xogħol li qed jagħmlu u ħeġġithom biex ikomplu jaħdmu kemm jifilħu, “ħalli tkomplu żżejnu lill-poplu tagħna, li jixraqlu li jkun mżejjen bl-għerf, bl-esperjenza u bil-ħiliet tagħkom”.

 

Il-Premju Nazzareno Vassallo ntrebaħ minn Ġorġ Agius, li ntagħżel minn fost sittax-il nominat/nominata. Magħruf bħala Ġorġ tal-Mużew, Ġorġ għandu 90 sena u ilu għal 65 sena jqum kmieni filgħodu  biex iżur lil dawk rikoverati l-isptar sabiex jgħaddi messaġġ pożittiv.