Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ipparteċipat waqt l-attività “Economic Growth through Women’s Empowerment” organizzata mill-President tal-Litwanja, u l-Council of World Women Leaders fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda.
Il-President tkellmet fuq il-bżonn urġenti li tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u saħqet li dan huwa dritt uman, parti mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, li din is-sena tagħlaq sebgħin sena.
“L-ewwel dritt uman li hemm huwa li aħna lkoll nitwieldu ħielsa u ugwali, iżda m’aħniex ugwali. Jeħtieġ li nagħmlu xi ħaġa, għax ilna nitkellmu b’dan l-istess mod għal ħafna snin,” tenniet il-President, filwaqt li qalet li l-ugwaljanza mhijiex kwistjoni ta’ ħabi tad-differenzi bejn il-ġeneri, iżda hija biss kwistjoni li jinkiseb l-ispazju rispettuż li kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa jistħoqqilhom.
Il-President Coleiro Preca qalet li hekk kif ninsabu viċin is-sebgħin anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, “għandna nagħmlu xi ħaġa li turi li qed niċċelebraw dan l-anniversarju b’xi ħaġa tanġibbli, aktar b’saħħitha, minn forsi dak li kkommettejna ruħna għalih qabel.”
L-attività kienet indirizzata wkoll minn António Guterres, Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Michelle Bachelet, Kummissarju Għoli tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Bniedem u eks-President taċ-Ċili, Kolinda Grabar-Kitarović, President tal-Kroazja, Kersti Kaljulaid, President tal-Estonja, u Dalia Grybauskaitė, President tal-Litwanja.