“Din hija Presidenza li se tagħti viżibilità lil Għawdex”. Sostniet dan il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca waqt l-ewwel Ballu tal-President fil-Ġgantija, Għawdex.
Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil dawk kollha li attendew u li b’hekk għenu biex il-ħolma li tiġi organizzata attività nazzjonali b’risq il-Malta Community Chest Fund f’Għawdex, issa saret realtà.
Spjegat kif apparti l-viżibilità lill-gżira Għawdxija dan il-ballu serva ta’ promozzjoni lill-patrimonju dinji tal-Ġgantija, li huwa l-eqdem struttura mwaqqfa fid-dinja.
Il-President ta’ Malta qalet li ma nistgħux inħallu dan il-patrimonju moħbi għall-viżitaturi li jiġu jżuruh matul il-ġurnata biss, iżda dan is-sit dinji tal-UNESCO jixraqlu promozzjoni dinjituża sabiex permezz tiegħu tingħata esperjenza edukattiva u storika.
Waqt l-indirizz tagħha, il-President Coleiro Preca qalet li l-prevalenza tal-marda tal-kanċer qiegħda dejjem tiżdied u dawn l-attivitajiet organizzati b’risq il-Malta Community Chest Fund qed jgħinu biex jitkabbar dan il-fond nazzjonali.
F’dan il-ballu ħadu sehem numru ta’ gruppi li esponew bl-aħjar mod l-identità, il-karatteristiċi u t-tradizzjonijiet Għawdxin. Fost dawn il-gruppi kien hemm; il-grupp folkloristiku Astra, il-grupp Folkloristiku Mnarja, l-Għaqda Folklor Xagħri, l-Aurora Folk Group u x-Xagħra Historical Reanactment Organisation.
Għal dan il-ballu l-kumpanija Catermax kienet responsabbli mill-catering filwaqt li l-Maltin li attendew għall-ballu, qasmu l-fliegu permezz ta’ opra tal-baħar provduta mill-kumpanija Captain Morgan Cruises Ltd, mingħajr ħlas żejjed.