“Ix-xogħol li qed isir permezz ta’ EkoSkola huwa xhieda ta’ kemm it-tfal iridu azzjoni f’pajjiżna favur l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli”

Dan kien kliem il-President Marie-Louise Coleiro Preca waqt ċerimonja li matulha tqassmu premji prestiġġjużi internazzjonali lil 47 skola għall-impenn favur il-kwalità ta’ ħajja aħjar fl-iskejjel tagħhom.

 

Il-President Coleiro Preca faħħret l-impenn tal-istudenti u tal-għalliema, li mal-motivazzjoni ta’ EkoSkola qed juru lill-adulti li ma nistgħux ninjoraw dak li hemm bżonn isir għal pajjiżna. Qalet dan fid-dawl ta’ dak li seħħ il-ġimgħa li għaddiet, meta waqt il-Parlament tat-tfal ġiet ippreżentata mozzjoni favur it-tibdil fil-klima – mozzjoni li permezz tagħha t-tfal qalu lill-politiċi Maltin u Għawdxin li jridu jagħtu kas u jagħmlu dak li qegħdin jgħidu, u mhux jisimgħuhom biss.

 

Il-President fissret li dak li ntqal waqt is-sessjoni tal-Parlament tat-tfal huwa mera ta’ dak li t-tfal u ż-żgħażagħ jitkellmu dwaru waqt iż-żjarat fl-iskejjel, fejn it-tfal kontinwament jitkellmu dwar l-ambjent. Hawnhekk, il-President Coleiro Preca raddet ħajr għax-xogħol kbir li sar permezz ta’ Nature Trust, il-fondazzjoni tagħha u EkoSkola, liema xogħol wassal għal kambjament fil-mod ta’ kif it-tfal jitkellmu dwar l-ambjent.

 

“Jekk sentejn u nofs ilu bdejt indur l-iskejjel u nisma’ lit-tfal ikellmuni fuq aktar spazji, fuq aktar siġar u pjanti, qed jgħidulna llum, ‘ejjew nitkellmu fuq l-emissjonijiet mit-traffiku, ejjew nitkellmu fuq it-tniġġis tal-arja, ejjew nitkellmu fuq il-ħsejjes’, u qed ikomplu jartikulaw il-mod ta’ kif iħarsu lejn l-ambjent u lejn l-iżvilupp sostenibbli”, kompliet il-President.

 

Irringrazzjat ukoll lill-għalliema li kienu katalisti sabiex dak li nbeda permezz ta’ EkoSkola, ikompluh ta’ kuljum mat-tfal u ż-żgħażagħ fil-klassijiet, fl-iskejjel u fil-kulleġġi, filwaqt li rrimarkat li din is-sena kien hemm żieda fil-parteċipazzjoni – biex issa hemm 116-il skola b’total ta’ 46,400 parteċipant attiv.

 

Fl-aħħar nett, il-President Coleiro Preca ħeġġet lit-tfal u liż-żgħażagħ biex ikomplu bil-ħidma ffukata tagħhom, u jfakkru lill-adulti li l-ambjent ta’ madwarna huwa misluf lilhom mingħand it-tfal stess, u li bħala adulti “għandna responsabbiltà li nieħdu ħsiebu ħafna għalikom”. Żiedet tgħid li dan huwa parti mill-well-being li jixraq lil kull wieħed u waħda minna.