Wara laqgħat li saru matul ix-xhur tas-Sajf fil-Palazz ta’ Sant’Anton mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Kunsill Studenti Universitarji ħarġu bl-idea li ż-żgħażagħ kollha ta’ Malta u Għawdex jagħmlu l-iStrina taż-żgħażagħ.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li tinsab onorata li tant żgħażagħ qed juru rieda li jagħmlu d-differenza f’dan il-pajjiż, bl-enerġija u l-ideat tagħhom u qalet li kienu l-istess żgħażagħ li resqu lejha b’ideat innovattivi biex jiġbru fondi għall-Istrina. Il-President qalet li din il-Presidenza trid li ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ikunu msieħba attivi għaliex ċerta li bl-enerġija u l-kreattività tagħhom se jagħtu ħajja ġdida lil tant proġetti li se jsarrfu tant ġid fil-komunità Maltija u Għawdxija.
Il-President tal-KSU, Gayle Lynn Callus qal li Solidaritree hija kampanja li se tixgħel il-fjamma fejn tant għaqdiet taż-żgħażagħ diġà aċċettaw li jissieħbu f’din l-enerġija biex jinġabru l-fondi għall-Istrina ta’ din is-sena. Spjega kif Solidaritree se tkun qed toħloq għadd ta’ attivitajiet li permezz tagħhom bis-sehem taż-żgħażagħ ta’ Malta u Għawdex jinġabru l-fondi għall-Istrina. Waħda mill-ewwel attivitajiet varata llum hija brazzuletta bil-brand tal-kampanja Solidaritree li bil-bejgħ tagħha se jinġabru fondi għall-Istrina.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li Solidaritree mhijiex biss kampanja, iżda hija ċelebrazzjoni taż-żgħażagħ li b’enerġija kbira se tkun qed toħloq kuxjenza u torganizza attivitajiet f’Malta u Għawdex b’risq l-Istrina.
Għall-attività tkellmu wkoll Andrew Borg Wirth, u Kenneth Terribile, u għexiren ta’ żgħażagħ minn diversi għaqdiet minn Malta u Għawdex li se jkunu attivi fil-kampanja Solidaritree.