Jekk hemm xi ħaġa li tidentifika l-kobor tan-Nazzjon Malti, bla dubju ta’ xejn hija l-lingwa Maltija – Il-President ta’ Malta żżur skola tal-lingwa Maltija f’Melbourne

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, dalgħodu żaret skola fejn tiġi mgħallma l-lingwa Maltija ġewwa Taylors Lakes, f’Melbourne. Dawn il-lezzjonijiet huma organizzati mill-‘Maltese Language Teachers Association of Victoria’. Din l-assoċċjazzjoni ġiet stabbilita fl-2013 bl-għan ewlieni jkun dak li l-lingwa Maltija tibqa’ lingwa attiva ġewwa Victoria permezz ta’ programm ta’ lezzjonijiet għal tfal, żgħażagħ u adulti.

 

Waqt li ndirizzat lit-tfal u lill-persuni preżenti, il-President Coleiro Preca tkellmet fuq l-importanza li l-lingwa Maltija għandha tibqa’ ħajja fost il-Maltin li jgħixu barra minn xtutna. Hija qalet li l-lingwa Maltija tidentifika l-kobor tan-nazzjon Malti, mhux biss għax din hija lingwa antika, imma għaliex hija lingwa li tidentifikana minn popli oħrajn li jgħixu madwar id-dinja.

 

“Il-lingwa Maltija tidentifika wkoll il-karattri tagħna, u tidentifika l-istorja ta’ kif twieled u kif kiber in-nazzjon Malti. Il-Lingwa Maltija tidentifikana bħala nazzjon, inkunu fejn inkunu”. Dan tennietul-President, filwaqt li rringrazzjat lill-‘Maltese Language Teachers Association of Victoria’, tal-inizjattiva li huma ħadu biex jgħallmu l-lingwa Maltija anke lil tfal b’dixxendenza Maltija, imwieldin fl-Awstralja. Il-President raddet ħajr ukoll lid-diversi għaqdiet u ‘clubs’ madwar l-Awstralja li regolarment jorganizzaw klassijiet tal-Malti lill-membri tal-komunitajiet rispettivi tagħhom.

 

Il-lezzjonijiet tal-Malti ġewwa Taylors Lakes għandhom ‘format’ differenti skont l-etajiet tal-istudenti. Il-lezzjonijiet tat-tfal huma karatterizzati minn sensiela ta’ għanjiet u kanzunetti Maltin li t-tfal jitgħallmu, u li permezz tagħhom ikunu esposti għall-Malti, ħafna minnhom, għall-ewwel darba. Kienu propju dawn it-tfal li temmew il-programm ippreparat għall-President u S-Sur Preca, permezz tal-kanzunetta ‘Fonzu l-Fenek’.