Diskors mill-President Marie-Louise Coleiro Preca waqt l-iskambju tal-awguri mal-Korp Konsolari Onorarju
Huwa pjaċir tiegħi li llum nilqagħkom, bħal kull sena, bħala membri tal-Korp Konsolari Onorarju ta’ Malta.
Irrid nirringrazzja lil kull wieħed u waħda minnkom tal-preżenza tagħkom għal din il-laqgħa tradizzjonali tagħna, fejn nagħtu l-awguri lil xulxin għal sena ġdida li nittama li tkun waħda ta’ paċi, saħħa u ġid, għall-umanita’ kollha.
Irrid nibda dawn ir-rimarki tiegħi billi nirringrazzjakom ta’ ħidmietkom matul is-sena li għaddiet, u fl-istess waqt nieħu l-okkażjoni biex nagħtu ħarsa ‘l quddiem lejn ħidmiet li jinħtieġ jitwettqu tul is-sena li ġejja.
Irrid ukoll nesprimi l-apprezzament tiegħi lid-Dekan tal-Korp Konsolari Onorarju, s-Sur Godwin Bencini, li huwa l-Konslu Ġenerali għar-Repubblika Slovakka, għax-xewqat sbieħ u r-rimarki tiegħu f’isem il-Korp Konsolari kollu.
B’sodisfazzjon nistqarr li tul is-sena li għaddiet, ir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi li tirrappreżentaw u r-Repubblika ta’ Malta komplew jissaħħu għall-ġid tal-popli kollha tagħna.
Il-kollaborazzjoni bejnietna, kompliet tissaħħaħ grazzi għad-diversi laqgħat bejn l-uffiċċjali tal-pajjiżi rispettivi tagħna, u wkoll permezz ta’ żjarat statali u uffiċjali, li jien u d-delegazzjoni Maltija għamlet f’xi wħud mill-pajjiżi, kif ukoll, permezz ta’ żjarat statali u uffiċjali ġewwa Malta minn kapijiet ta’ stati u pajjiżi oħra.
Ir-rwol tagħkom bħala Konsli Onorarji jagħtikom l-opportunità biex tkomplu ssaħħu din il-kollaborazzjoni, fost il-komunitajiet soċjali u ekonomiċi tal-pajjiżi tagħna, biex inkomplu nagħmlu l-ġid b’riżq il-popli tagħna.
Barra minn hekk, fil-kapaċità tagħkom bħala Konsli Onorarji, jien nemmen li intom qiegħdin f’qagħda li tinkoraġġixxu d-djalogu rispettuż bejn il-popli tan-nazzjonijiet rispettivi li nirrappreżentaw, kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istess pajjiżi.
Kif stqarrejt ix-xahar li għadda permezz tad-diskors tiegħi f’Jum ir-Reppubblika, jien nemmen li nazzjon demokratiku ikun b’saħħtu meta l-poplu jħoss sens ta’ konnessjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż, u jipparteċipa b’mod attiv, fl-iżvilupp tal-futur ta’ pajjiżu.
Nazzjon b’saħħtu huwa meta l-poplu jħossu empowered. Nazzjon ikun b’saħħtu meta jgħix f’ambjent rispettuż, u meta jkun kapaċi jfittex kull opportunità biex isaħħaħ il-paċi u l-prosperità.
Bħala Konsli Onorarji, intom ukoll tistgħu tkunu ta’ eżempju, għal dan is-sens ta’ impenn meħtieġ biex, il-popli tagħna jgħixu f’dan l-ambjent san. Huwa r-rwol tagħkom li żżommu konnessjonijiet b’saħħithom mal-komunitajiet u gruppi diversi. Dan għaliex, tiltaqgħu u twieġbu għat-tħassib ta’ ħafna nies, u, permezz ta’ xogħolkom, tistgħu tgħinu fil-bini u t-tisħiħ ta’ relazzjonijiet tajbin.
Permezz tax-xogħol tagħkom, tistgħu toħolqu ambjent fejn il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet ta’ individwi, jistgħu jinbidlu f’opportunitajiet ta’ ġid, li jħallu effett fuq is-soċjeta’. Dan huwa s-sens ta’ impenn li jinħtieġ ikollna biex nassiguraw kultura ta’ paċi pożittiva, fost il-popli tagħna.
Kultura ta’ paċi pożittiv ma jfissirx biss in-nuqqas ta’ kunflitt jew vjolenza. Iżda hija l-abbilta’ li naħdmu flimkien, u li nibnu strateġiji għall-ġid soċjo-ekonomiku tagħna.
Hija l-abbilta’ li kull individwu/a fis-soċjetajiet tagħna, iħossuhom rispettati u empowered biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Il-paċi pożittiva hija proċess attiv, fejn kull individwu u individwa fis-soċjeta’ jħossuhom li jistgħu jipparteċipaw.
Il-paċi trid tinbena u tkun imsaħħa kontinwament, billi nissalvagwardjaw, il-ġid komuni tal-komunitajiet u s-soċjetajiet tagħna.
Il-paċi titlob li naħdmu flimkien, biex nindirizzaw il-ħsara soċjali li tinħoloq b’diskriminazzjoni, bl-inugwalganzi, u bl-inġustizzji. Il-ġustizzja u l-paċi huma instrinsikament żewġ valuri magħqudin flimkien.
Jien konvinta, li intom bħala Konsli Onorarji se tkomplu taħdmu biex, permezz ta’ xogħolkom, tikkontribwixxu għall-ġustizzja u l-paċi.
Bħala Konsli Ġenerali, li tipprovdu servizzi għaċ-ċittadini li tirrappreżentaw, intom qed tiżviluppaw netwerks professjonali bi standards, li jridu jkunu għolja u etiċi, ħalli tgħinnu fil-promozzjoni ta’ opportunitajiet soċjo-ekonomiċi ġusti.
Jien nemmen li kull wieħed u waħda minnha, hi x’inhi ir-responsabbilta’ tagħna, jinħtieġ li nenfasizzaw l-importanza ta’ opportunitajiet innovattivi fil-komunitajiet u fost il-popli tagħna, biex insaħħu l-valuri tar-rispett u l-paċi.
F’dinja li iktar ma tmur, qed issir aktar globalizzata, jiena nemmen ħafna fir-rwol tad-diplomazija konsolari, li għandha tkun iċċentrata fuq dawn il-valuri essenzjali.
Bħala Konsli, jiena nemmen li għandkom responsabbilta’ li tkunu champions ta’ dan il-messaġġ ta’ rispett u paċi, fix-xogħol kollhu tagħkom u fis-setturi kollha li tmissu magħhom.
Negozji iktar b’saħħithom, komunitajiet aktar inklussivi, u aktar ġid ekonomiku għall-pajjiżi tagħna, jistgħu jkunu possibbli u sostenibbli, meta ngawdu minn ambjent ta’ paċi u ġustizzja.
Fl-aħħar nett, nawguralkom, fil-kapaċitajiet rispettivi tagħkom, li permezz ta’ xogħolkom, tassiguraw id-dinjità ta’ kull individwu/a billi tkomplu taħdmu, ħalli dawn il-valuri essenzjali ta’ paċi u ġustizzja ikunu fil-qofol tad-demokraziji rispettivi tagħna.
Irrid nagħlaq billi nesprimi l-apprezzament tiegħi, f’isem il-poplu Malti kollu, għax-xogħol tagħkom, li permezz tiegħu qed tassiguraw relazzjonijiet f’livelli differenti li jġibu l-popli tagħna flimkien.
Jiena konvinta li se tkomplu tagħmlu dak kollhu li tistgħu biex tibnu ħbiberiji b’saħħithom, bejn il-komunitajiet tagħna, fi ħdan is-soċjetajiet tagħna u fost in-nazzjonijiet rispettivi, li flimkien nirrappreżentaw.