Waqt żjara fil-bini ta’ Hospice Malta, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li din il-Presidenza se tkun qed issaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn The Malta Community Chest Fund u din l-organizzazzjoni.
Qalet li l-ispejjeż tal-MCCF marbuta mat-trattament għall-marda tal-kanċer qed ikomplu jiżdiedu, b’żieda ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija fis-sena.
Għalhekk, sostniet il-President Coleiro Preca, jeħtieġ li l-kura paljattiva tkompli tissaħħaħ bil-għan li l-pazjenti u l-familji jibqgħu jingħataw is-servizzi meħtieġa.
Il-President Coleiro Preca kienet milqugħa miċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Lora Cascun. Hija ltaqgħet u tkellmet mal-ħaddiema fejn irringrazzjathom tal-kontribut siewi li qed jagħtu lis-soċjetà Maltija.