Kunċett ġdid għall-Kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida

Għall-ewwel darba, il-Kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida, li kull sena jiġi organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti flimkien mal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta, se jittella’ nhar il-31 ta’ Diċembru 2016, fit-tmienja u nofs ta’ filgħaxija f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta.

 

Waqt it-tnedija tal-kunċert fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, Maria Blanco mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta qalet li din is-sena l-kunċert għandu kunċett ġdid: fminbarra li se jkun twil siegħa u mingħajr intervall, ingħatat attenzjoni partikolari għar-repertorju magħżul, li se jkun varjat b’siltiet klassiċi u siltiet minn musicals popolari.

 

Annabelle Stivala mill-Kunsill Malti għall-Arti spjegat li dan il-kunċert huwa ideali biex dawk preżenti jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena, biċ-ċans li wara jmorru jgawdu ċ-ċelebrazzjonijiet kbar li jiġu organizzati fil-Belt Valletta.

 

Dan il-kunċert se jkollu bħala mistiedna ewlenija lis-Soprano Maltija Nicola Said, filwaqt li l-orkestra se tkun taħt id-direzzjoni tas-surmast internazzjonali, Dionysis Grammenos li kien f’Malta f’Ottubru meta mexxa il-Junge Philarmonie Wien.

 

Il-President ta’ Malta rringrazzjat lill-Kunsill Malti għall-Arti u lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta talli għal sena oħra ħadu f’idejhom l-organizzazzjoni ta’ dan il-kunċert. Irringrazzjat ukoll lil Nicola Said u lis-Surmast Grammenos li se jkomplu jżidu l-prestiġju ta’ dan il-kunċert. Il-President irringrazzjat ukoll lil dawk kollha li se jattendu, li se jgawdu serata ta’ mużika mill-aqwa, filwaqt li jgħinu biex jinġabru fondi b’risq il-mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li ta’ kuljum jirrikorru għand il-Malta Community Chest Fund Foundation għall-għajnuna.

 

Il-biljetti għall-Kunċert tal-President għas-Sena l-Ġdida jinsabu għall-bejgħ minn Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bil-prezz ta’ għaxar ewro jew ħmistax-il ewro. Jistgħu jinxtraw ukoll online fuq mcc.com.mt.