Dalgħodu fis-Sala tal-Gran Kunsill fil-Palazz il-Belt, il-President Marie-Louise Coleiro Preca fetħet uffiċjalment esebizzjoni bit-tema l-Ispiritwalità fl-Arti.
Din l-esebizzjoni hija l-ewwel inizzjattiva f’din il-Presidenza b’risq il-Malta Community Chest Fund hekk kif il-flus miġbura mid-donazzjonijiet ta’ dawk li jżuruha se jmorru għal dan il-fond.
Fl-indirizz tagħha qabel ma fetħet uffiċjalment din l-esebizzjoni, il-President sostniet li l-palazzi se jkunu miftuħa biex l-artisti jkollhom opportunità jesebixxu t-talent tagħhom.
Qalet li permezz tal-arti u l-kultura qed isir ġest nobbli filwaqt li qed jitwassal messaġġ ta’ imħabba, rispett u għożża tad-diversità.
Hija tat ħajr lill-artisti Alfred u Aaron Camilleri Cauchi li ressqu ’l quddiem bix-xogħol tagħhom biex jitgawda f’dan il-palazz.
L-esebizzjoni li hija kollezzjoni ta’ arti sagra bi statwi maħduma miż-żewġ artisti ewlenin f’pajjiżna se ddum miftuħa sa nhar l-Għid u l-pubbliku huwa mħeġġeġ jżurha u jagħti d-donazzjoni tiegħu b’risq il-Malta Community Chest Fund.