Fl-okkażżjoni tal-festa ta’ San Publiju fil-Floriana u l-ftuħ tal-istaġun tal-festi, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħabbret ‘L-Għarfien tal-President ta’ Malta għas-Solidarjeta’ mal-Anzjani’.
Din hija inizzjattiva li tħeġġeġ lill-familji u individwi Maltin u Għawdxin biex ikunu solidali ma’ anzjani li jgħixu waħedhom fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom jew fi djar għall-anzjani billi jgħinuhom iżda wkoll jagħtuhom l-opportunita’ li jaddottawhom bħala parti mill-familja tagħhom, partikolarment fi ġranet u f’mumenti ta’ ferħ bħalma huma l-festi li niċċelebraw matul is-sena.
Din l-inizjattiva hija intenzjonata li l-Presidenza taħdem mal-Kunsilli Lokali, mat-tmexxija ekkleżjastika tal-parroċċi u ma’ għaqdiet mhux governattivi, kemm fuq livell ta’ komunita’ kif ukoll dawk nazzjonali, billi jressqu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom dwar dawk il-familji u individwi li jagħmlu ħidma ta’ solidarjeta’ mal-anzjani.
Il-President ta’ Malta appellat li l-festi għandhom ikunu manifestazzjoni ta’ għaqda u ħbiberija. Minħabba li ħafna festi jsiru fl-istaġun tas-Sajf, meta pajjiżna jkun miżgħud bit-turisti, għandhom ikunu opportunita’ mhux biss kulturali, tradizzjonali u folkloristika, iżda wkoll għandhom ikunu show case tal-valuri qawwija tal-imħabba, tal-għaqda, tar-rispett, tat-tolleranza u tad-dinjita’.