Sur President
Onorevoli Membri tal-Kamra tad-Deputati
Bi pjaċir ninnota li, fil-bidu ta’ din il-Tlettax-il leġiżlatura, il-Gvern fil-messaġġ tiegħu li qed inwassal jien, bħala President tar-Repubblika, fittex li ma jressaqx diskors bħas-soltu, jiġifieri mmirat li jagħti lista ta’ miżuri, jew, idaħħal xi forma ta’ diskors partiġġjan.
Dan id-diskors inżamm iqsar minn dawk ta’ qablu, u wkoll, il-bogħod mill-kontroversji li jistgħu jinħolqu. Dan id-diskors huwa maħsub li juri d-direzzjoni, li l-Gvern, se jagħti lil pajjiżna matul din il-leġiżlatura.
F’kull proċess demokratiku elettorali, il-poplu jingħata l-opportunità li jagħżel sett ta’ prinċipji u programm politiku għall-leġiżlatura li tkun tmiss.
Irridu nammettu li kull għażla elettorali, minnha nifisha, toħloq linji diviżorji bejn partit u ieħor. Għalhekk, l-istess proċess elettorali, li huwa tant importanti f’demokrazija, sfortunatament, iħalli wkoll marki ta’ firda, li jeħtieġ li flimkien bħala Stat u Nazzjon, minn din il-Kamra tar-Rappreżentanti, u anke lil hinn minnha, naħdmu biex indewwu u nagħlqu l-feriti tal-firda.
Pajjiżna jista jimxi verament ’il quddiem, bħala poplu wieħed, bl-għaqda u fl-għaqda.
GĦAQDA NAZZJONALI
L-għażla li saret mill-poplu tagħna nhar it-3 ta’ Ġunju 2017 għandha tkun rispettata. Daqstant ieħor, għandha tkun rispettata l-vuċi, ta’ dawk li għażlu programm ta’ ħidma differenti għal dak li ppreżenta l-Gvern.
Hekk jixraq, jekk tassew ngħożżu d-demokrazija.
F’pajjiż b’popolazzjoni ta’ ftit inqas min-nofs miljun ruħ, ma nistgħux ninfirdu bejn kuluri, jew jekk aħniex Maltin jew Għawdxin, jew jekk aħniex min-naħa ta’ fuq jew min-naħa ta’ isfel ta’ Malta, jew jekk aħniex ġejjin minn familja sinjura jew fqira.
Irridu nammettu li fostna jeżistu realtajiet differenti.
Jeħtieġ għalhekk, li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jagħrfu jaħdmu flimkien, biex jindirizzaw dawn ir-realtajiet differenti, filwaqt li titkompla wkoll, id-diskussjoni politika li pajjiżna jeħtieġ.
Għax hekk titlob id-demokrazija.
Id-demokrazija tisħaq ukoll li diskorsna, ikun rispettuż u dinjituż. L-insulti u t-tgħajjir, ma jagħmlux ġieħ lill-politiċi.
Iżda, il-politiċi jridu jkunu huma stess, li jagħtu r-rispett u d-dinjità lil xulxin, biex il-poplu jsegwi.
Għax l-eżempju jkaxkar.
Għalhekk l-ewwel prijorità tal-Gvern għandha tkun li jħares l-għaqda u jaħdem biex jgħaqqad lil pajjiżna, wara ġimgħat ta’ kampanja elettorali intensiva, u wara xhur sħaħ ta’ dibattitu qalil, u ħafna drabi, anke distruttiv.
Ma nistennewx li, dan il-proċess biex ningħaqdu, se jkun proċess ta’ ftit jiem jew ftit ġimgħat. Neħtieġu bidla fil-kultura ta’ pajjiżna, u fil-mentalità tagħna bħala poplu. Bidla li ma tiddependix biss mill-partit fil-Gvern u dak fl-Oppożizzjoni, iżda hemm bżonn l-isforzi ta’ kull wieħed u waħda minnha fil-pajjiż, inkluż il-mezzi tax-xandir, is-soċjetà ċivili u kull min għandu xi forma ta’ influwenza fil-komunitijiet u fis-soċjetà tagħna.
Minn issa ’l quddiem, ejjew niftehmu li kull ġurnata, għandha tkun ġurnata ta’ fejqan.
Dan il-proċess għandu jservi ta’ xprun fit-tisħiħ tad-demokrazija tagħna, li jwassalna wkoll biex, matul din il-leġiżlatura, jibda l-proċess li għandu jwassal għal Konvenzjoni Kostituzzjonali.
Konvenzjoni Kostituzzjonali, li għandu jkollha l-għan li timmodernizza l-istituzzjonijiet nazzjonali biex ikunu aktar aċċessibbli u kontabbli lejn il-Poplu. Imma fuq kollox, il-Konvenzjoni għandu jkollha l-għan li bil-bidliet li tipproponi, tgħaqqad lill-poplu tagħna.
It-tiġdid Kostituzzjonali biex titwieled it-Tieni Repubblika msejsa fuq l-għaqda nazzjonali, għandha tkun parti mill-legat ta’ din il-leġiżlatura.
F’dan il-punt, hija t-tama tiegħi u ta’ dan il-Gvern, li t-tiġdid Kostituzzjonali, ikun opportunità ta’ spazju u proċess parteċipattiv, fejn is-soċjetà tagħna, tkun ċentrali fit-tisħiħ tad-demokrazija, b’risq l-għaqda ta’ bejnietna.
Dan il-Gvern jemmen li l-Kostituzzjoni l-ġdida tista’ tkun l-għodda li tgħaqqad lill-pajjiżna u tippreparah għall-isfidi tal-ġejjieni.
AVVANZ EKONOMIKU
Pajjiżna fl-aħħar snin għamel avvanzi ekonomiċi pożittivi u sinifikanti.
Ir-ritmu ekonomiku, li esperjenza pajjiżna fl-aħħar snin, kien wieħed li jeħtieġ jiġi sostnut bi programm iffukat fuq is-sostenibbiltà finanzjarja. Ritmu ekonomiku li ħoloq sitwazzjoni ta’ surplus fil-finanzi pubbliċi, u fl-istess ħin, intuża l-ġid ekonomiku li nħoloq, biex jilħaq setturi tal-popolazzjoni li l-aktar għandhom bżonn.
Il-mira tal-Gvern se tibqa’ li l-ġid nazzjonali jibqa’ jiżboq il-medja Ewropea biex bħala Maltin ngħixu bħal, u anke aħjar, minn ċittadini f’pajjiżi Ewropej oħra. B’dan il-mod, il-Gvern qed jimmira li jsostni l-programm tiegħu billi tinżamm politika ekonomika u fiskali li tkun imsejsa fuq il-valuri tal-għaqal u tal-konsolidazzjoni.
F’dan kollu, jidħol il-programm tal-Gvern bi tnaqqis ta’ taxxi għal min jaħdem, kif ukoll tinżamm l-attitudni ta’ Gvern li jkun pro-business, li jagħraf li jkompli jissimplifika l-proċessi għal min iħaddem u joħloq l-opportunitajiet ta’ xogħol. Din tibqa’ tkun riċetta kruċjali biex pajjiżna jkompli joħloq xogħol ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin.
Fl-istess ħin, biex pajjiżna jibqa’ jikber ekonomikament, il-Gvern għandu jħares li jespandi niċeċ ekonomiċi ġodda li jiftħu orizzonti f’oqsma bħal Fintech, l-ekonomija diġitali, Life Sciences u l-loġistika, fost oħrajn. Dan għandu jsir filwaqt li nagħmlu sforz ikbar biex nipproteġu s-servizzi finanzjarji u tal-gaming – li jeħtieġu li jerġgħu jsibu l-istess klima ta’ kunsens nazzjonali, li tant għenet biex kibru u ssaħħew matul is-snin, biex illum huma parti importanti mit-tessut tal-ekonomija Maltija.
Minn naħa l-oħra, prijorità ewlenija fl-ewwel żmien ta’ din il-leġiżlatura, għandha tkun l-Air Malta. Anke hawn, jeżisti l-bżonn ta’ koperazzjoni nazzjonali bejn il-partiti politiċi, l-istakeholders u l-unions biex tiġi salvata l-linja nazzjonali tal-ajru.
L-avvanz ekonomiku ta’ pajjiżna, għandu jkun immirat kollu kemm hu, lejn sitwazzjoni fejn iktar nies jaħdmu, u jikkontribwixxu fl-ekonomija tal-pajjiż. Għandna nimmiraw bħala pajjiż, li iktar nisa jaħdmu, filwaqt li naħdmu biex nassiguraw, li nindirizzaw il-problema tad-differenza fid-dħul bejn n-nisa u l-irġiel. Dan il-Gvern, huwa impenjat biex aktar nisa, jkollhom rwol aktar ċentrali, fit-tmexxija tal-pajjiż.
Huwa f’dan il-qafas, li l-Gvern għandu jimbotta ’il quddiem il-bidla kuraġġjuża biex ikunu introdotti kwoti elettorali li jassiguraw sehem akbar min-nisa fit-tmexxija u l-ħajja demokratika ta’ pajjiżna. Dan flimkien mat-tnaqqis tal-età tal-votazzjoni fl-elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew, jiġifieri, minn 18-il-sena għal 16-il sena.
Din il-leġiżlatura għandha tkompli taħdem fuq l-iżvilupp ta’ aktar opportunitajiet ta’ xogħol, filwaqt li tħares il-kwalità tal-ħajja.
Għax iktar xogħol ifisser inqas nies fir-riskju ta’ faqar u inqas faqar materjali.
Il-programm tal-Gvern għandu jaħseb ukoll fi kwalità ta’ ħajja aħjar, li tinkludi, ħin iktar għall-familja biex tgħix flimkien u tibbilanċja l-ħajja tax-xogħol u l-familja.
F’dan l-isfond il-programm li ressaq il-Gvern se jkun qed jipproponi diskussjoni biex jerġgħu jingħataw lura l-festi pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa.
F’pajjiż li qed javvanza ekonomikament, ma jistax jonqos li l-infrastruttura u d-dehra ta’ pajjiżna, tingħata l-importanza meħtieġa. L-indafa ta’ pajjiżna għandha tkun parti importanti ħafna biex pajjiżna jidher u jibqa’ jżomm livell li jixraq pajjiż Ewropew modern.
Bl-istess mod, din il-leġiżlatura trid tibda tħares li ttaffi l-problemi tat-traffiku, permezz ta’ sistemi moderni ta’ trasport pubbliku. F’din il-leġiżlatura wkoll, il-Gvern se jkun qed imexxi programm ta’ ħidma li se jara li jitranġaw it-toroq kollha ta’ pajjiżna, fuq medda ta’ seba’ snin biex ikollna toroq ta’ kwalità, li jixraq għal pajjiż li qed javvanza.
Il-programm tal-Gvern jaħseb ukoll, fil-potenzjal ta’ Għawdex u jidentifika l-konnettività, kemm fiżika u kemm virtwali, bħala żewġ proġetti essenzjali, li bihom din il-gżira, tista’ tikber ekonomikament u soċjalment. Dan isir, filwaqt li jiġi protett il-karattru u l-ġmiel naturali ta’ Għawdex.
Il-Gvern irid jara t-twettiq tal-proġett tal-mina, bejn Malta u Għawdex; u jitwettaq ukoll, dak li nbeda fl-aħħar xhur, bit-tnedija ta’ fast ferry service bejn Għawdex u l-Port il-Kbir.
Il-konnettività virtwali trid tissaħħaħ ukoll, permezz tat-tieni fibre-optic cable, biex f’Għawdex ikun hemm konnettività iktar b’saħħitha bl-Internet, li llum huwa għodda essenzjali għal kull azjenda li trid twaqqaf l-operat ekonomiku tagħha f’Għawdex. Dan kollu jkun maħsub biex permezz ta’ skemi li jinsabu fil-programm tal-Gvern, jattiraw iktar xogħol lejn Għawdex.
AVVANZ SOĊJALI
Huwa importanti li l-pajjiż javvanza ekonomikament.
Madankollu, jekk l-avvanz ekonomiku ma jintużax biex isaħħaħ it-tessut soċjali u jilħaq iktar nies, ftit li xejn ikun jiswa għall-pajjiż u għall-poplu tagħna.
Il-programm tal-Gvern għandu jkun immirat biex iwieżen lil min l-aktar għandu bżonn, biex il-ġlieda kontra l-faqar, tibqa’ fuq nett tal-aġenda nazzjonali f’din il-leġiżlatura wkoll.
B’hekk il-Gvern għandu jimpenja ruħu biex ma jħalli lil ħadd f’pajjiżna jaqa’ lura. It-tnaqqis ta’ familji fil-faqar għandu jkun ċentrali fil-programm ta’ dan il-Gvern. Il-mira ewlenija skont dan il-programm hija li ma tibqax tifla jew tifel wieħed f’riskju ta’ faqar. Għalhekk il-Gvern għandu jara li jiġi assigurat li familji bit-tfal ikollhom tal-lanqas dħul, aktar minn dak meqjus bħala diċenti.
Għal dan il-għan, il-Gvern huwa kommess li jżid iċ-Childcare Allowance b’€100 għal kulħadd u għal dawk il-familji bi dħul baxx iż-żieda tkun ta’ €200. Kull omm se tirċievi child bonus ta’ €300 kemm jekk twelled u kif ukoll jekk taddotta.
Konxji mill-fatt li koppji li jaddottaw jidħlu fi spejjeż kbar, il-programm tal-Gvern jaħseb biex jgħin koppji li jaddottaw b’għajnuna diretta sa massimu ta’ €10,000 u rifużjoni tal-ispejjeż li koppja tħallas biex issiefer bil-għan li taddotta.
Għall-Gvern, se jkun importanti ħafna li jirrevedi l-liġi tal-IVF biex issir aktar realistika, u tagħti opportunità lil aktar persuni sabiex isiru ġenituri.
L-avvanz ekonomiku jista’ jġib miegħu sfidi soċjali ġodda li l-Gvern għandu jilqa’ għalihom. Huwa għalhekk li għandhom jiġu identifikati r-raġunijiet li qed iwasslu biex persuni qed jispiċċaw f’riskju ta’ faqar. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-kiri huwa każ, fejn l-avvanz ekonomiku jista’ jolqot ħażin lil dawk li l-iktar għandhom bżonn l-għajnuna.
Sfortunatament, qed naraw, sitwazzjoni fejn il-prezz tal-kiri ta’ propjetà qed iwassal biex persuni, jew jiftaqru biex iżommu lill-familja tagħhom b’saqaf fuq rashom, jew inkella jispiċċaw barra t-triq.
Għalhekk, prijorità f’dan il-qasam se tkun, li nżidu b’mod qawwi l-proġetti ta’ housing soċjali. Il-mira ewlenija tal-Gvern hija li tispiċċa l-waiting list ta’ nies jistennew akkomodazzjoni soċjali, bil-prijorità għandha tingħata lill-familji bit-tfal u persuni vulnerabbli.
Ma’ dan, il-Gvern irid jara li ma jkunx hemm abbużi fil-prezzijiet tal-kiri, billi l-ewwelnett jiddaħħal l-obbligu legali li kull kirja tkun bil-kuntratt, filwaqt li kuntratt ta’ kirja ta’ residenza prinċipali, irid ikun mill-inqas ta’ tliet snin. Fl-istess waqt, għandu jkompli jissaħħaħ is-sussidju tal-kera għal min għandu bżonnu.
Il-Gvern għandu jkompli jsaħħaħ il-qasam tas-saħħa matul din il-leġiżlatura, billi l-ewwelnett il-kura fl-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa tibqa’ b’xejn għal kulħadd. Għandu wkoll jibqa’ jsir investiment kontinwu fl-isptarijiet tagħna.
Fil-programm tiegħu l-Gvern identifika l-bini ta’ dipartiment tal-Outpatients ġdid, il-bini ta’ sptar speċjalizzat għall-Ommijiet u l-Ulied (Mother and Child Hospital), u l-bini ta’ sptar ieħor li jispeċjalizza fil-kura psikjatrika fl-isptar Mater Dei stess.
Sadanittant, ikompli l-bini u l-immodernizzar fl-isptarijiet ta’ Għawdex, St Luke’s u Karin Grech, li se jsaħħu l-qasam tas-Saħħa b’servizzi li jibqgħu b’xejn. Il-Gvern għandu jara wkoll li jwettaq il-proġetti ta’ Ċentri tas-Saħħa ġodda u l-immodernizzar ta’ oħrajn, biex il-kura tkun eqreb lejn il-pazjent b’mod li ma jaqax il-piż kollu fuq l-isptarijiet ċentrali.
L-edukazzjoni għandha tkompli tkun iċ-ċavetta ewlenija għall-futur tal-poplu tagħna, u ta’ pajjiżna. L-edukazzjoni tiftaħ toroq għall-mobbiltà soċjali. Kull Gvern ta importanza kbira lill-edukazzjoni. B’hekk l-edukazzjoni għandha tibqa’ ’l barra mill-politika partiġġjana biex pajjiżna jkompli jimxi ’l quddiem b’qabża oħra ta’ kwalità, f’dan il-qasam, bil-għan li titnaqqas ir-rata tat-tfal li joħorġu mis-sistema obbligatorja, mingħajr il-ħiliet meħtieġa għal dan is-seklu.
Aspett li fil-qafas tal-ħajja edukattiva tal-lum għandna nagħtuh importanza, huwa kif se jitnaqqas l-istress minn fuq it-tfal biex l-edukazzjoni tkun esperjenza pożittiva, u vjaġġ li jqajjem is-sens ta’ kurżità għall-għerf u l-informazzjoni.
F’dan kollu, l-edukaturi tagħna u l-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom, huma kruċjali. B’hekk il-Gvern se jibda proċess li għandu jwassal biex il-pagi u s-salarji tal-għalliema fil-gradi kollha jerġgħu jiżdiedu.
Fil-programm soċjali tal-Gvern se jitkompla l-proċess li permezz tiegħu l-paga minima, se tiżdied kif tħabbar fil-leġiżlatura li għaddiet, fejn seħħ sforz nazzjonali biex intlaħaq ftehim bejn il-partijiet kollha. Dan l-isforz li seħħ b’suċċess, huwa mudell ta’ kif għandhom jitmexxew l-affarijiet f’pajjiżna. Sadanittant, il-pensjonijiet għall-anzjani tagħna għandhom ikomplu jissaħħu.
Il-persuni b’diżabbiltà se jkunu wkoll imħarsa fil-programm tal-Gvern, permezz ta’ miżuri speċifiċi maħsuba biex iktar persuni b’diżabbiltà jaħdmu, filwaqt li jgħixu b’mod indipendenti fil-kommunità u anke jiġu mgħejuna biex isiru s-sidien ta’ djarhom stess.
Il-kwalità tal-ħajja titkejjel ukoll mill-kwalità tal-ambjent li ngħixu fih.
Il-programm tal-Gvern jaħseb biex idaħħal il-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludi l-ħarsien tal-ispazji pubbliċi, id-dritt ta’ arja nadifa, saħħa ambjentali kif ukoll id-dritt għal azzjoni favur l-ambjent, fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna. F’dan l-ispirtu, il-Gvern għandu jara li l-protezzjoni tal-ambjent tingħata piż f’kull deċiżjoni maġġuri tal-Gvern.
It-twaqqif ta’ Qorti tal-Ambjent, u s-saħħa li se jingħata ċ-ċittadin, biex jiġu ppreservati siti li jaqgħu f’postijiet ta’ dominju pubbliku, għandhom jagħtu poter ikbar lill-poplu biex jitħares l-ambjent ta’ pajjiżna.
Din il-leġiżlatura trid tibqa’ tindirizza wkoll, b’importanza kbira, il-qasam delikat tal-immaniġġjar tal-iskart, li hija sfida nazzjonali serja.
Fil-qasam tad-drittijiet ċivili li għandhom jidħlu f’pajjiżna diġà tħabbar li fost l-ewwel liġijiet, se jkun hemm il-liġi dwar l-ugwaljanza fiż-żwieġ, li din il-Kamra se tiddiskuti nhar it-Tnejn li ġej.
Riformi oħra li se jitwettqu f’din il-leġiżlatura, se jkunu mmirati biex permezz tagħhom is-soċjetà tissaħħaħ, għax l-Istat se jħares id-dinjità ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, billi jiġġieled kontra l-għerq tal-problemi soċjali, u mhux kontra l-vittmi.
PAJJIŻ IPPREPARAT GĦALL-FUTUR
Pajjiżna jeħtieġ li jkompli jagħmel qabża ta’ kwalità f’kull qasam. Huwa għalhekk ukoll, li l-Gvern f’din il-leġiżlatura jrid ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet u l-istrutturi, li huma l-pilastri, li fuqhom hija mibnija d-demokrazija tagħna.
Il-programm tal-Gvern jitkellem ukoll dwar it-tisħiħ u t-tiġdid ta’ din il-Kamra tar-Rappreżentanti fejn irid ikompli l-programm ta’ riformi Parlamentari taħt il-gwida tal-Ispeaker. Hemm diskussjonijiet profondi, li jeħtieġ isiru, fosthom, dwar il-possibbiltà li deputati Parlamentari eletti, jingħataw l-għażla li jservu full-time. F’dan il-kuntest ukoll, u anke biex il-Parlamentari, jkollhom sens akbar ta’ responsabbiltà fid-diskorsi tagħhom, għandha tiġi diskussa l-possibbiltà, li jiġi riformat l-hekk imsejjaħ privileġġ Parlamentari, u titneħħa l-immunità Parlamentari. Dawn huma riformi li għandhom jitmexxew mill-Uffiċċju tal-Ispeaker.
Riforma oħra maħsuba biex issaħħaħ il-prinċipji ta’ kontabbiltà u meritokrazija, hija d-dħul ta’ liġi li tara li Ambaxxaturi u persuni li jokkupaw karigi ewlenin f’awtoritajiet regolatorji jitpoġġew taħt skrutinju Parlamentari.
Matul l-aħħar sitt xhur, Malta mexxiet il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’mod dinjituż. L-organizzazzjoni u l-għeluq ta’ diversi dossiers matul il-Presidenza Maltija ħallew impressjoni pożittiva ħafna ta’ pajjiżna. Fi tmiem din l-ewwel esperjenza għal pajjiżna, il-Gvern irid jara li jibqa’ jibni fuq il-pożittiv li ħareġ mill-Presidenza u jħalli legat ta’ ħiliet u strutturi li jservuna kemm fil-ħidma Ewropea ta’ pajjiżna kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Fl-2018, pajjiżna għandu okkażjoni oħra kbira biex ikompli jispikka internazzjonalment permezz ta’ Valletta 2018, bħala l-Belt Kapitali Kulturali Ewropea. Apparti li Malta se tkun qed turi lill-Ewropa u lid-dinja dak kollu li għandha x’toffri fl-arti u l-kultura, anke minn dan il-lat, se nkunu qed inħallu legat għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, permezz ta’ avvanzi li saru biex fix-xhur li ġejjin Malta tkun vetrina għat-talent u għall-ġmiel ta’ pajjiżna.
KONKLUŻJONI
Il-Gvern huwa impenjat li jwettaq dan il-programm kollu f’kuntest ta’ għaqda nazzjonali, fejn jaf li mhux se jkun qed jilħaq kompromess fuq kollox.
Iżda għandu jsir sforz kollettiv biex kulħadd jiġi rrispettat.
Dawn il-bidliet kollha jridu jitpoġġew fil-qafas ta’ statut ġdid għal pajjiżna, bit-twelid tat-Tieni Repubblika. Kostituzzjoni ta’ Malta ġdida għandha tkun aġġornata u tirrifletti mhux biss iż-żminijiet tal-lum, iżda wkoll tantiċipa l-futur.
Ir-riformi Kostituzzjonali huma mumenti ta’ għaqda nazzjonali. Mumenti ta’ maturità ta’ poplu li jogħla ‘il fuq minn dak li jifirdu u jitgħannaq ma’ dak kollu li jgħaqqdu.
Huwa b’hekk, li dan il-programm li qed jippreżenta l-Gvern, għandu jħalli, mhux biss riżultati konkreti, li jħosshom kulħadd fl-oqsma ekonomiċi, finanzjarji u soċjali, iżda wkoll, għandu jħalli legat ġdid u dejjiemi, permezz tal-ogħla liġi ta’ Malta, li għandha sservi lil pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
An English Version of this speech can be read by Clicking Here.