B’referenza għar-rapporti li dehru riċentement fil-midja, dwar proċeduri legali li qed isiru dwar l-inċident li ġara waqt l-attivita’ Paqpaqli għall-Istrina fl-4 ta’ Ottubru 2015.
L-Uffiċċju tal-President jixtieq jistqarr dan li ġej:
B’referenza għal dan il-każ, il-President, irrinunzjat minn jedda, l-immunita’ Kostituzzjonali tagħha, u għażlet li tixhed quddiem il-Qorti biex tippreżenta l-fatti kif tafhom.
Iżda, l-Uffiċċju tal-President, irid jiċċara, serje ta’ ineżattezzi, dwar l-involviment ta’ dan l-Uffiċċju f’din l-attivita’ li, m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-fatti.
Huwa korrett li jiġi mistqarr li l-attivita’ Paqpaqli għall-Istrina, mtella’ bl-intenzjoni nobbli biex tiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation, bdiet qabel ma’ l-Eċċellenza Tagħha, inħatret President ta’ Malta, fl-2014.
Iżda jrid jiġi nnutat li, aktar milli inkoraġġiet lit-tim ta’ Paqpaqli għall-Istrina biex jkompli jiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund Foundation, taħt il-Patrunaġġ tagħha, (bħal ma’ tagħmel f’attivitajiet oħra ta’ fundraising, mtella’ minn terzi), l-Eċċellenza Tagħha, ma’ kellha assolutament, l-ebda parti, fl-organizzazzjoni ta’ din l-attivita’.
Fil-fatt, Il-President, ltaqgħet f’okkażjoni waħda, f’Lulju 2015 mat-tim ta’ Paqpaqli għall-Istrina, meta attendiet parti minn laqgħa, iżda ma ħadet l-ebda deċiżjoni sostantiva f’dan ir-rigward.
Lanqas ma’ assumiet, xi rwol organizzativ, f’Paqpaqli għall-Istrina. Kienet tkun irresponsabbilta’ għall-Kap tal-Istat li tagħmel dan, meta ma’ kellha ebda għarfien u kompetenza teknika fil-karozzi.
L-involviment tal-Malta Community Chest Fund Foundation f’Paqpaqli għall-Istrina kien strettament limitat għall-sapport amministrattiv, endorsement, reklamar, u biex tkopri l-ispejjeż relatati mal-attivita’. Kwalunkwe stqarrija, b’kuntrarju għal dan, hija qarrieqa, u tgħawweġ il-verita’.
Huwa wkoll pertinenti li jiġi mistqarr li f’April 2015 – sitt xhur qabel l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina – ittieħed pass importanti biex tinħoloq distinzjoni ċara bejn l-Uffiċċju tal-President u l-Malta Community Chest Fund Foundation.
Din il-bidla radikali fil-Malta Community Chest Fund ġiet riflessa fil-kostituzzjoni tagħha, u dan peres li ġiet imwaqqfa formalment bħala Fondazzjoni skond il-liġi. B’hekk, effettivament id-dipendenza tal-Malta Community Chest Fund Foundation fuq il-Kap tal-Istat, nbidlet kompletament, ir-relazzjoni li qabel, kienet teżisti bejn it-tnejn.
Irid jiġi nnotat, li l-Malta Community Chest Fund Foundation, żammet ir-rwol importanti bħala fundraiser, u bħala benefiċjarju grat ta’ bosta inizjattivi, bħal Paqpaqli għall-Istrina.
L-Uffiċċju tal-President, jirrijafferma, li minn meta’ seħħ dan l-inċident orribbli, l-oġġettiv ewlieni tiegħu, kien li jesprimi solidarjeta’ mal-vittmi, u biex jikkopera ma’ l-awtoritajiet ħalli jiġi assigurat li jiġu stabbiliti l-fatti.
Filwaqt li għandhom jiġu ċċarati l-impressjonijiet żbaljati li qamu, l-Uffiċċju tal-President jixtieq ukoll jappella lil kulħadd biex ma’ jintqalux ineżattezzi u nkorrettezzi, li ma’ jservu għal xejn ħlief, li jostakolaw il-verita’, u biex issir ġustizzja vera.