Kemm nixtieq li f’dawn il-jiem li jlaqqgħuna aktar flimkien minn żmien ieħor tas-sena, ikun żmien mhux biss għall-festini, iżda wkoll mument f’ħajjitna, bħala nazzjon, biex nirriflettu dwar dawk il-valuri, li sa’ mill-antenati tagħna, iggwidawna.
Nixtieq li nirriflettu dwar x’jagħmilna Maltin. Il-lingwa, il-bandiera, l-innu, it-tradizzjonijiet, il-festi, l-ikel tradizzjonali – imma jiena nemmen li l-iktar li jagħmilna Maltin huwa l-fatt li għadu jimpurtana minn xulxin.
Il-valuri tar-rispett u tas-solidarjetà, dejjem kienu valuri fundamentali għalina, li fuqhom bnejna relazzjonijiet b’saħħithom u għamluna magħrufin bħala poplu ħabib ma’ kulħadd.
Kif emmnu ta’ qabilna, hekk ukoll nemmen jien li, ir-rispett u s-solidarjeta’ huma essenzjali għall-paċi u l-armonija.
Għalhekk nemmen li ninħtieġu nkomplu nippromwovu d-djalogu rispettuż bejn kulħadd f’pajjiżna, inkluż id-diversi komunitajiet u gruppi li qed jgħixu magħna, f’dawn il-gżejjer.
Ikunu xi jkunu id-differenzi ta’ kultura, twemmin, etniċità, oriġini, status, orjentazzjoni sesswali, jew orjentazzjoni politika, jeħtieġ li nkomplu nirrispettaw lil xulxin, dejjem.
Il-valuri tar-rispett u s-solidarjeta’ huma wkoll essenzjali sabiex kulħadd jħossu inkluż fis-soċjeta’ tagħna.
Nixtieqna li lkoll nużaw dan iż-żmien sabiħ biex nirriflettu fuq ftit mistoqsijiet bħal:
Għaliex meta jkollna differenzi ta’ opinjoni mhux kulħadd kapaċi jitkellem b’rispett, iżda xi wħud fostna qed jagħżlu il-vjolenza verbali, u mhux iddjalogu?
Għaliex meta xi ħadd ma’ jkunx rispettuż fi kliemu, xi wħud jaqgħu fin-nasba li jwieġbu b’mod diżrispettuż ukoll?
Għaliex minflok nuzaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni moderni biex nikkomunikaw, nedukaw u ninfurmaw, hemm min fostna qed jippreferi jużahom biex jifred bit-tgħajjir u l-insulti?
Għaliex hemm min fostna, li jippreferi id-diviżjoni flok l-armonija?
Jiena qed nifhem li l-problema qed tkun li hemm min qed jitkaxkar mill-egoiżmu u jinsa il-valur importanti – dak li jimpurtana minn xulxin.
Jien nibża’ li jekk bħala poplu ma’ jibqax jimpurtana minn xulxin, għax ma’ nagħtux rispett lil xulxin, jiġrilna bħal ħaddieħor. Fejn ir-rispett intilef, għax kiber l-egoiżmu, popli sħaħ tgerfxu u sofrew, u qed isofru, minn firda u
kunflitti.
Għalhekk, nixtieq nappella lil kulħadd f’pajjiżna, kif ghadna fil-hin, biex nagħmlu ħilitna fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, biex nassiguraw li l-konverżazzjonijiet bejnietna, jibbażaw ruħhom fuq ir-rispett.
Djalogu ta’ rispett, jegħleb il-firda u jgħaqqadna flimkien.
Djalogu ta’ rispett jagħmilha possibbli biex nidentifikaw ruħna mal-gwaj ta’ ħaddieħor, u jagħmilha possibbli li nifhmuhom aħjar, biex nagħtu s-solidarjetà.
J’alla dawn iż-żminijiet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, ikunu opportunità għalina biex nuru iktar solidarjeta’ ma’ dawk li huma mwarrbin mis-soċjetà.
Anke l-iċken azzjonijiet ta’ rispett jistgħu jbiddlu d-dinja.
Huwa għalhekk importanti li rridu nżommu l-messaġġ ta’ ġustizzja soċjali u solidarjetà fil-qalba ta’ dawn il-festi sbieh.
Dawn il-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena m’għandhomx ikunu biss ċelebrazzjoni; iżda għandhom jkunu stedina biex ninbidlu.
Ejjew niftakru li dan huwa żmien ukoll ta’ riflessjoni, dwar kif nistgħu nersqu aktar qrib xulxin u ningħaqdu aktar, fil-familji tagħna, mal-ġirien tagħna, fil-komunitajiet fejn ngħixu, b’risqna stess, u b’risq is-soċjeta’ Maltija in ġenerali.
Flimkien, jinħtieġ li nkomplu nagħmlu mill-għażiża Malta tagħna, post fejn aħna, bħala poplu Malti, nintgħarfu mis-solidarjetà u r-rispett lejn xulxin u naħdmu biex ngħaddu dan il-wirt lill-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.
Nawgura lil kulħadd Festi mill-aqwa …. festi li jwassluna biex nagħtu iżjed rispett lil xulxin.
Dawn il-Festi, għandhom ukoll jkunu żmien, meta’ aħna nħarsu lejna nfusna, nagħmlu analiżi tal-kuxjenza, ta’ kemm aħna tassew qed inkunu rispettużi lejn in-nies ta’ madwarna.
Għalhekk nawguralkom dawn it-tip ta’ festi sbieħ, mimlija rispett u solidarjeta’ lejn xulxin.
F’ismi u f’isem Edgar u l-familja tiegħi, nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Festi tal-Milied u ta’ sena ġdida, f’rispett akbar, ħalli nuru li aħna poplu li rridu ningħaqdu, għax tassew jimpurtana minn xulxin.
Il-festi t-tajba lil kulħadd.