Il-President Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Preca attendew għal quddiesa organizzata mill-Uffiċċju tal-President fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. F’indirizz lil dawk preżenti wara l-quddiesa, il-President għamlet appell għall-għaqda.
“L-omm hi simbolu tal-għaqda. L-omm hi simbolu tal-imħabba. L-omm hi simbolu tal-maħfra”, qalet il-President, filwaqt li qalet li tqis “lil Malta tagħna bħala ommna”. “Malta tagħna tridna magħqudin, Malta tagħna tridna nirrispettaw, Malta tagħna tridna nagħtu dinjità lil xulxin, u fuq kollox, Malta tagħna tridna li naħfru lil xulxin anke meta niżolqu”.
Il-President appellat lill-ommijiet Maltin u Għawdxin biex f’dan il-mument ta’ għażla – li trid issir għax hi parti mit-tħaddim tad-demokrazija – “tridu tkunu intom li tberrdu dan l-atteġġjament Mediterran li għandna, li meta nitkellmu u ma naqblux irridu ngħajru lil xulxin”.
Fl-aħħar nett il-President qalet li rridu niftakru li Malta tagħna tridna magħqudin, għax “meta nkunu magħqudin, tassew nimxu ’l quddiem”.