“Nirringrazzjakom għad-dedikazzjoni u l-vokazzjoni tagħkom”

“Nirringrazzjakom għad-dedikazzjoni u l-vokazzjoni tagħkom”

 

B’dawn il-kliem, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca rringrazzjat lill-istaff taċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo fi ħdan l-Isptar Mater Dei waqt li ltaqgħet mal-pazjenti li hemm rikoverati bħalissa fiċ-ċentru.

 

Il-President żaret ukoll l-uffiċċju tan-National Cancer Platform li minnu jopera wkoll outreach office tal-Malta Community Chest Fund Foundation. Fost affarijiet oħrajn dan l-uffiċċju jgħin lill-pazjenti rikoverati fiċ-ċentru tal-onkoloġija biex dawn jikkuntattjaw lill-għaqda relevanti li hija parti mill-platform. Dan l-uffiċċju jiffaċilita wkoll l-applikazzjonijiet għall-għajnuna mill-Malta Community Chest Fund Foundation. Intant, il-Malta Community Chest Fund Foundation qed tikkollabora wkoll mal-occupational therapists waqt għadd ta’ sessjonijiet rikreattivi mal-pazjenti taċ-ċentru.

 

Mil-lum, in-National Cancer Platform qed toffri wkoll għadd ta’ kotba u CDs biex jintużaw mill-outpatients taċ-ċentru tal-onkoloġija. Dawn il-kotba jinsabu hemm bl-għan prinċipali li jkunu ta’ sostenn permezz tal-litteratura u l-mużika. Il-kotba ġew mogħtija minn għadd ta’ entitajiet bħala donazzjoni. Il-ħsieb huwa li dan iwassal għall-iżvilupp ta’ inspirational library, fi ħdan l-Uffiċċju tan-National Cancer Platform.

 

Dawk kollha li jkollhom bżonn jikkuntattjaw lin-National Cancer Platform jistgħu jagħmlu dan permezz tal-freephone 8007 2388.