Permezz ta’ filmat irrekordjat, il-President Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat lill-iskejjel li pparteċipaw fl-inizjattiva ‘UNESCO Associated Schools Project’ waqt ċerimonja ta’ premjazzjoni fil-Palazz Verdala.
Il-President qalet li tħossha kburija b’kull skola li pparteċipat għax permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom urew li huma impenjati favur l-għanijiet tal-UNESCO – għanijiet li jinkludu ċ-ċelebrazzjoni tad-diversità, il-promozzjoni ta’ edukazzjoni ta’ kwalità, l-importanza tal-inklużjoni soċjali u l-bżonn ta’ djalogu fost nies ta’ kulturi u ta’ twemmin differenti.
Bħala studenti għamiltu proġetti diversi li minnhom mhux talli tgħallimtu iżda akkwistajtu ħiliet li permezz tagħhom tistgħu tikbru f’ċittadini attivi
Il-President qalet li f’demokrazija ħajja importanti nkunu nafu x’jiġifieri nkunu ċittadini attivi sa minn età żgħira. “Dan ifisser li rridu nkunu aktar ippreparati li nagħtu kontribut pożittiv lis-soċjetà tagħna, għax hu d-dritt tagħna bħala ċittadini li naqsmu l-ħsibijiet tagħna u nressqu ’l quddiem l-aspirazzjonijiet tagħna għal soċjetà u għal pajjiż aħjar”.
Fiċ-ċentru tal-għanijiet ewlenin tal-UNESCO nsibu l-enfasi fuq ix-xjenza, l-edukazzjoni u l-kultura, “bil-għan li nifhmu aħjar kif inħarsu d-dinjità ta’ kull persuna tal-komunitajiet u tas-soċjetajiet kollha tagħna”, kompliet il-President.
Fid-dawl ta’ dan, il-President żiedet li biex inkomplu nibnu futur aktar sostenibbli u fil-paċi għall-gżejjer Maltin, “nemmen li għandna nkomplu nagħtu prijorità lil dawn l-għanijiet importanti billi l-awtoritajiet jassiguraw proċessi inklussivi bil-parteċipazzjoni demokratika tagħna flimkien”.
Fl-aħħar nett il-President appellat lil dawk preżenti biex ikomplu jaħdmu flimkien ħalli jixxerred il-messaġġ li jinkoraġġixxi lill-poplu tagħna sabiex f’pajjiżna kulħadd jifhem li kollha kemm aħna għandna rwol importanti biex inwettqu l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Ix-xogħol tal-UNESCO hu proprju mibni fuq dawn il-miri – miri ta’ gwida għall-pajjiżi kollha tad-dinja u għal kull wieħed u waħda minna, “biex naħdmu għal dinja ġusta u inklussiva fejn il-bnedmin kollha jkunu rispettati bħala kontributuri valutati għall-ġid komuni”.
Il-President qalet li tinsab kunfidenti li l-għalliema se jkomplu jgħinu lill-istudenti biex jiżviluppaw f’ċittadini attivi ħalli jiġi assigurat, mil-lum stess, li huma se jikkontribwixxu lejn is-soċjetà tagħna, “billi tkunu vuċi u attivisti tal-ugwaljanza, tal-ekwità u tal-inklużjoni”.
“Sadanittant inħeġġiġkom ukoll biex tkomplu taħdmu fuq dawn l-għanijiet, ħalli tkunu attivisti għall-paċi biex nagħmlu dinja aħjar għalina lkoll”, temmet tgħid il-President.