Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, ippresediet it-tnedija tal-ktieb ‘Stejjer mid-Djar Tagħna’, ippubblikat miċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familja, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Familja.
Il-President qalet li dan il-ktieb qiegħed jibni fuq ir-riċerka li ġiet ippubblikata s-sena l-oħra mill-istess Ċentru, dwar ir-relazzjonijiet u s-sodisfazzjon tar-relazzjonijiet, fejn ġie stabbilit bl-aktar mod ċar li l-familja tagħti ħafna sodisfazzjon.
Il-President qalet li ‘Stejjer mid-Djar Tagħna’, jirrifletti kemm il-familja, anke f’mumenti ta’ sfida, toffri dik ir-reżiljenza li permezz tagħha, jingħelbu l-isfidi u jkun hemm sens ta’ sodisfazzjon, u sens ta’ mħabba. Infatti dan il-ktieb juri biċ-ċar “ir-rabta intrinsika bejn il-familja, il-ferħ u s-sodisfazzjon.” B’referenza għall-Jum Internazzjonali tal-Familja, hekk kif stabbilit mill-Ġnus Magħquda, il-President qalet li dan il-jum huwa marbut ħafna mat-tkabbir tal-kuxjenza fost il-familji, fuq il-bżonn u l-importanza tal-‘early education’, u kemm huwa importanti li l-edukazzjoni tibda mill-familja, “għax il-familja hija l-ewwel skola tal-ħajja tagħna.”
Dan il-Jum huwa wkoll marbut mal-issue tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol u bejn ix-xogħol u l-familja, fejn qiegħed isir appell lis-settur privat biex kemm jista’ jkun, jiġu indirizzati dawn id-diffikultajiet. “Hemm ukoll rabta sħiħa mal-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli, partikolarment il-Mira 4.7, marbuta mad-drittijiet umani, l-ugwaljanza, il-promozzjoni ta’ kulutra ta’ paċi, in-‘non-violence’, ‘global citizenship’ u l-apprezzament tad-diversità kulturali u l-kontribut tal-kultura fl-iżvilupp sostenibbli,” stqarret il-President.
Fl-aħħarnett, il-President Coleiro-Preca, rringrazzjat liċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka dwar il-Familja, mmexxi minn Prof Angela Abela, għax-xogħol siewi li huma qiegħdin jagħmlu.