President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kellha laqgħa ma’ Papa Franġisku

Dalgħodu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca kellha laqgħa ma’ Papa Franġisku.

Filwaqt li awguratlu l-isbaħ xewqat f’għeluq sninu, il-President Coleiro Preca rringrazzjat lill-Papa għall-opportunità li Malta ngħatat meta artisti Maltin ġew mistiedna biex għall-ewwel darba jiġi armat presepju minn pajjiż barrani fi Pjazza San Pietru. Hija qalet li din hija opportunità unika fejn il-Maltin qed jesponu t-talenti tagħhom u t-tradizzjoni tal-presepju, u jaqsmuh mad-dinja kollha.

Il-President irringrazzjat lill-Papa għall-inizjattiva li hu ħa meta appella biex il-gvernijiet jagħtu klemenza lill-priġunieri fit-tmiem tas-Sena tal-Ħniena, liema appell ġie milqugħ mill-Gvern Malti. Il-President Coleiro Preca waslitlu wkoll ir-ringrazzjamenti personali tal-priġunieri li tkellmu magħha meta aktar kmieni din il-ġimgħa hija żaret il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-President u l-Papa tkellmu wkoll fuq il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn l-President spjegat ix-xogħol preparatorju li qiegħed isir mill-Gvern ta’ Malta bħala parti mit-tħejjija għall-istess Presidenza, filwaqt li elenkat ukoll is-sitt prijoritajiet prinċipali li Malta se tkun qed tpoġġi fuq l-aġenda tal-Presidenza.

Fl-aħħarnett, il-President Coleiro Preca stiednet lill-Papa biex iżur Malta f’dan il-mument sabiex ikun jista’ jagħti l-kontribut tiegħu u jsostni l-pożizzjoni ta’ Malta hekk kif il-Gvern Malti qed jaħdem mal-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex jinstabu soluzzjonijiet fit-tul għall-problema umanitarja tal-immigrazzjoni.

Intant, il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kienet ukoll it-tema prinċipali waqt laqgħa li l-President Coleiro Preca kellha mal-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Waqt din il-laqgħa, il-President ta’ Malta kienet akkumpanjata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella, u l-Ambaxxatur Malti għall-Vatikan George Buttigieg.