Waqt żjara ta’ kortesija li l-iSpeaker l-Onor. Anġlu Farrugia u d-Deputat Speaker l-Onor. Ċensu Galea kellhom mal-President ta’ Malta ġie diskuss il-mod ġdid kif il-President tar-Repubblika tkun aktar infurmata bil-leġiżlazzjoni li tkun għad-diskussjoni fil-Parlament.
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca proponiet li l-liġijiet ma jgħaddux għand il-President biss wara li jintemm l-istadju tat-tielet qari iżda l-President għandha tkun infurmata bl-abbozzi li jkunu għadhom fi stadju tal-ewwel u t-tieni qari.
Il-President Coleiro Preca sostniet li dan għandu jsir biex il-Presidenza ssegwi l-proċess leġiżlattiv b’mod sħiħ u tkun tista’ taqdi aħjar il-funzjoni tagħha biex tissalvagwardja l-interessi tal-poplu.
Bl-ebda mod il-Presidenza m’hu se tkun qed tinfluwenza d-diskussjoni li tkun qed issir fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, spjegat Coleiro Preca.
L-iSpeaker l-Onor. Anġlu Farrugia u d-Deputat Speaker l-Onor. Ċensu Galea qablu mal-ħsieb li l-Kap tal-Istat tkun infurmata bl-aġenda parlamentari.