Fil-ġonna pubbliċi ta’ San Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet it-tnedija tal-proġett ta’ konservazzjoni intitolat ‘Bejta’, u kkordinat mill-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu.
“Jiena nħossni kburija b’dan il-proġett, għaliex dan huwa proġett innovattiv, li ser jagħti viżibilità ġdida u importanti lill-kaċċaturi. Permezz ta’ dan il-proġett, u għadd ta’ inizjattivi edukattivi oħrajn, l-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu qed tagħmel ħilitha biex il-kumplament tas-soċjetà tibqa’ tgawdi l-għasafar, iżda fil-proċess, ukoll nedukaw lit-tfal tagħna fl-iskejjel”, qalet il-President Coleiro Preca.
Il-President qalet ukoll li, “għandna bżonn li jkollna inizjattivi innovattivi bħal dawn, fejn aħna nkunu nistgħu nkattru u nikkonservaw dak li huwa parti mill-wirt naturali tagħna, u fejn inkunu nistgħu wkoll nsaħħu il-bijodiversità u nassiguraw li jkollna ekosistemi li jkunu sostenibbli”.
Il-President esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar dan il-proġett, u appellat lill-Għaqda Kaċċaturi San Ubertu biex tibqa’ tkun innovattiva, billi l-membri tagħha jressqu ‘l quddiem l-ideat u l-inizjattivi tagħhom “sabiex nkomplu noħolqu sitwazzjonijiet fejn inkunu qed inħarsu lejn is-sostenibbiltà, l-ewwel u qabel kollox, imma wkoll, fil-proċess, li t-tfal tagħna jkollhom l-opportunità jgawdu l-ambjent naturali ta’ madwarna”.
Filwaqt li faħħret il-fatt li din l-inizjattiva se ġġib għadd ta’ voluntiera flimkien, il-President Coleiro Preca qalet li permezz ta’ dan il-proġett, “qed naqdu parti mill-impenn internazzjonali li pajjiżna għamel, meta fl-2015, bħala pajjiż ikkommettejna ruħna għall-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u s-17-il mira għall-iżvilupp sostenibbli tagħha, b’mod partikolari Mira 15, li titratta dwar il-protezzjoni, ir-restawr u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli tal-ekosistemi.