Il-President Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet iċ-ċerimonja tal-Green Flag – parti mill-proġett EkoSkola li hu kkoordinat minn Natura Trust – FEE Malta.
F’indirizz lit-tfal u liż-żgħażagħ rappreżentanti tal-iskejjel rispettivi tagħhom, il-President qalet li dawn iż-żgħażagħ huma attivisti biex jibnu kultura ta’ paċi pożittiva marbuta ma’ ġustizzja ambjentali – “li hi parti intrinsika mit-twettiq ta’ ġustizzja soċjali” – u biex jibnu kultura ta’ ħarsien ambjentali “li hi parti intrinsika mid-drittijiet umani”.
“Jiena nħares lejkom bħala attivisti ta’ paċi pożittiva bid-diversità sħiħa tagħha, biex pajjiżna jkollu komunitajiet iktar reżiljenti għax ikollu iktar attivisti b’saħħithom, attivisti ta’ valur, u kollaboraturi fix-xogħol kbir li qed jagħmel pajjiżna, biex ’il quddiem ikollna mexxejja li jkunu jafu f’liema direzzjoni jridu jeħduna”, kompliet il-President.
Qalet ukoll li b’xogħolhom dawn it-tfal u ż-żgħażagħ qed jindirizzaw dak li fl-2015 il-mexxejja tad-dinja ddeċidew li jifthiemu dwaru – l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli – biex nagħmlu dinja aħjar, “partikularment is-sitt mira li titkellem dwar ilma nadif, mira sebgħa dwar l-enerġija, mira ħdax li titkellem dwar bliet iktar inklussivi, mira tlettax dwar it-tibdil fil-klima, mira erbatax dwar l-ibħra u l-konservazzjoni tal-ibħra tagħna, u mira ħmistax li titkellem dwar il-konservazzjoni tal-ħajja fuq l-art”.
Il-President irringrazzjat lill-kapijiet tal-iskejjel, lill-għalliema u lil-learning support assistants, talli qed ikunu gwida għall-attivisti tal-lum biex ikunu mexxejja validi ta’ għada.
“Komplu kunu ta’ eżempju, komplu mexxu l-kelma biex naħdmu għal żvilupp tassew sostenibbli għall-ħarsien tal-ambjent, biex ikollna ġustizzja tassew soċjali, u biex ikollna mħabba lejn id-drittijiet universali tal-bniedem ħalli Malta tagħna tkun Malta li tagħtikom futur mill-aqwa u tkun ukoll mudell li fuqu jimxu pajjiżi oħra”, ikkonkludiet il-President.
Il-bandiera l-ħadra ngħatat lil 34 skola madwar Malta u Għawdex.