Rekord ta’ nies jikkonkorru għal The President’s Solidarity Fun Run 2015

Rekord ta’ nies ikkonkorrew għas-seba’ edizzjoni ta’ The President’s Solidarity Fun Run 2015. Qabel ma bdiet The President’s Solidarity Fun Run, fuq talba tal-President ta’ Malta, kull waħda mill-erba’ rotot li ħadu sehem, żammet minuta silenzju b’appoġġ u solidarjetà lejn il-vittmi u l-poplu Franċiż wara l-attakki terroristiċi f’Pariġi din il-ġimgħa.

 

Il-President ħadet sehem fir-rotta li telqet mill-Università ta’ Malta flimkien mal-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat u għadd ta’ membri parlamentari. Is-Sur Edgar Preca telaq mir-rotta ta’ Santa Venera flimkien ma’ għadd ta’ membri parlamentari oħra, filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ġera r-rotta li telqet mir-Rabat.

 

Hekk kif l-erba’ rotot waslu fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, eluf kbar ta’ nies ingħaqdu flimkien b’messaġġi ta’ paċi li tqassmu mill-Malta Community Chest Fund b’turija ta’ solidarjetà mal-poplu Franċiż. Qabel ma indirizzat lill-folla preżenti, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca talbet biex tinżamm minuta silenzju b’rispett lejn il-vittmi ta’ Franza. Waqt l-indirizz tagħha l-President ta’ Malta rringrazzjat minn qalbha lill-Maltin u lill-Għawdxin li dejjem jilqgħu minn qalbhom is-sejħiet tal-Malta Community Chest Fund. Il-President qalet li m’għandhiex biżżejjed kliem biex tirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi filwaqt li fid-dawl ta’ dak li ġara fi Franza din il-ġimgħa appellat biex nibqgħu magħqudin u nuru solidarjetà b’risq il-paċi mhux biss f’Malta, u fl-Ewropa, iżda fid-dinja kollha. Il-President sellmet u talbet għat-talb għal dawk li fil-lejl li għadda korrew fl-inċident f’Paceville.

 

Waqt il-Fun Run, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel l-indirizz tiegħu u ppreżenta lill-President donazzjoni ta’ 15,000 ewro mill-Fond għall-Kawżi Ġusti b’risq il-Malta Community Chest Fund.  Tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil li wkoll wassal messaġġ ta’ solidarjetà, kif ukoll il-kap eżekuttiv ta’ wieħed mill-banek ewlenin f’Malta, Joaqim Pinto, li rringrazzja lill-folla talli bil-preżenza tagħha qed twassal u tagħti risposta li minkejja l-isfidi ta’ nuqqas ta’ paċi fid-dinja, il-poplu ħareġ bi ħġaru biex iwassal mill-qalb messaġġi ta’ paċi u solidarjetà.