F’laqgħa li l-President Marie-Louise Coleiro Preca kellha ma’ Soroptimist International of Malta sar aċċenn qawwi dwar ir-rispett universali lejn id-dinjità tal-mara.
Il-President iltaqgħet mal-organizazzjoni msemmija ftit tal-ħin qabel ma’ saret mixja simbolika fil-Belt Valletta b’appoġġ lejn it-tfajliet Niġerjani li nħatfu x-xahar li għadda minn grupp ta’ militanti estremi.
Il-President Coleiro Preca faħħret lil Soroptimist International of Malta li permezz tal-mixja simbolika qed twassal messaġġ, tagħti kuraġġ u tispira ħafna nisa li sfortunatament qed jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza.
Qalet li inizzjativi bħal dawn se jsibu l-appoġġ ta’ din il-Presidenza biex mhux biss nuru solidarjetà iżda anki nieħdu azzjoni ħalli jitwassal messaġġ qawwi fil-fora internazzjonali.
Il-President spjegat li l-edukazzjoni hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-vjolenza fuq in-nisa.
Hija rreferiet għal każ li għaddiet minnu t-tfajla Pakistana Malala Yousafzai li uriet lid-dinja x’determinazzjoni jipposjedu n-nisa.
Il-President tkellmet ukoll dwar il-ħtif tat-tfajliet Niġerjani u l-każ li seħħ fil-Pakistan ftit tal-jiem ilu fejn mara sfat imħaġġra barra Qorti.
Waqt il-laqgħa l-President Coleiro Preca iffirmat petizzjoni li Soroptimist International of Malta se tkun qed tippreżenta lill-Gvern Malti biex jagħmel pressjoni fuq il-Gvern Niġerjan ħalli jiġu salvati t-tfajliet maħtufa.