L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Rockestra b’risq il-Malta Community Chest Fund se ssir nhar is-Sibt 27 ta’ Settembru 2014 fl-MFCC Ta’ Qali. “Din hija is-sitt sena li qed tittella’ Rockestra, avveniment li beda mill-predeċessur tiegħi u li kien suċċess kull sena”, qalet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt it-tnedija.
Sostniet li din is-sena saret sejħa pubblika għal dawk li qatt ma pparteċipaw u b’sodisfazzjon kien hemm talent kbir fost l-118-il applikazzjoni li ġew sottometti. “Dan sar għaliex nemmnu f’kulħadd”, qalet il-President Coleiro Preca.
Il-President ta’ Malta spjegat kif it-tema marbuta ma’ Rockestra ta’ din is-sena hija ‘Don’t Stop Believing’. Din it-tema għandha messaġġ qawwi mhux biss għall-kantanti li sal-lum ma kellhomx opportunità jagħmlu debut sinifikanti fil-karriera tagħhom, iżda anki għal dawk kollha li nħakmu mill-marda tal-kanċer u mard kroniku ieħor biex jibqgħu jiġġieldu l-marda u jemmnu li jistgħu jfiequ.
Il-President ta’ Malta tat ħajr lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li taħdem b’mod volontarju, lill-mijiet ta’ voluntiera u l-isponsors kollha li ressqu ’l quddiem biex jittella’ dan l-avveniment nazzjonali. Il-President Coleiro Preca stiedent lill-familji Maltin u Għawdxin biex jiġu jsegwu dan l-ispettaklu u fl-istess ħin jgħinu lill-Malta Community Chest Fund.
Sadanittant il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Dr. Owen Bonnici faħħar l-inizzjativa tar-Rockestra li qed tagħti aktar viżibbiltà lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta permezz ta’ għan nobbli. Spjega kif dan huwa wieħed mill-ftit kunċerti li l-Orkestra tagħti s-servizz tagħha b’xejn għaliex il-flus li jinġabru jmorru għall-Malta Community Chest Fund.
Għal sena oħra, l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta se tkun taħt id-direzzjoni tas-Surmast Sigmund Mifsud filwaqt li d-direzzjoni artistika tal-kunċert se tkun f’idejn Pawlu Borg Bonaci. Mro. Sigmund Mifsud wera s-sodisfazzjon tiegħu għall-interess qawwi li kien hemm fl-auditions li qed isiru biex jintgħażlu numru ta’ artisti ġodda.
Minn naħa tiegħu, Pawlu Borg Bonaci spjega li dawk kollha li huma interessati jattendu għal dan l-avveniment ma jħallux għall-aħħar minħabba d-domanda qawwija għal dan l-avveniment. Mil-lum jistgħu jibdew jibbukkjaw mis-sit elettroniku www.ooii.com.mt jew inkella mill-Palazz il-Belt u l-Palazz ta’ Sant’Anton.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.rockestra.org.mt , iċempel fuq 21 226 226 jew jibgħat imejl fuq [email protected].