Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-ħolma tagħha hija dik ta’ soċjetà iktar inklussiva, fejn kull individwu jkollu l-opportunità li jgħix ħajja dinjituża u ta’ kwalità.
Hija qalet dan matul konferenza internazzjonali dwar il-psikoloġija u l-psikoterapija bl-isem ta’ Waking Dream Therapy organizzata mill-Malta Depth Psychological Association taħt l-awspiċju tal-SISPI, l-Italja u l-Ambaxxata ta’ Franza.
Fl-indirizz tagħha, il-President ta’ Malta tkellmet dwar il-ħtieġa ta’ investiment fl-iżvilupp professjonali, b’mod partikolari fil-qasam tal-psikoloġija u oqsma oħra li joħorġu minn din il-professjoni.
Temmet b’appell għall-ħidma konġunta bejn il-professjonijiet, għaliex minkejja l-fehmiet u l-kulturi differenti, l-għan jibqa’ l-aħjar interess tal-poplu.