Speech by President of Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, on the occassion of Europe Day 2016

Honourable Prime Minister

Honourable Ministers

Dr Elena Grech, Head of the European Commission Representation in Malta

Honourable Leader of the Opposition

Excellencies

Distinguished guests

 

It is with pleasure that I join you here today, as together, we celebrate Europe Day.

 

It was precisely 66 years ago today, that the French Foreign Minister of the time, Robert Schumann, presented his idea of a new form of political cooperation in Europe, in order to maintain peaceful relations among European countries.

 

Since then, the European Union upheld the values of peace, stability, equity, social inclusion and tolerance.

 

As we celebrate Europe Day, I augur that every one of us reaffirms, and continues to uphold, these values, through action that promotes peace and unity, while embracing diversity.

 

I will now revert to the Maltese language.

 

Sa mill-bidu tagħha, l-Unjoni Ewropea nbniet, u kompliet tissawwar, fuq il-paċi. Il-paċi għandha dejjem tibqa’ s-sisien fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jekk iridu nimxu ‘l quddiem.

 

Il-paċi tinkiseb mhux b’sempliċiment nuqqas ta’ kunflitti u gwerer. Aktar minn hekk, il-paċi tinkiseb meta l-valuri tar-rispett, tat-tolleranza u l-ġustizzja, jkunu l-prinċipji li nimxu fuqhom.

 

Fuq dawn il-valuri jinbena l-progress sostenibbli u t-tqassim ekwu tal-ġid. Dawn huma valuri li jsawru ambjent pożittiv li jixraq lil kull bniedem.

 

Jien nemmen bis-sħiħ li għandha tkun il-paċi li tispira l-ħidma u d-deċiżjonijiet meħuda mill-mexxejja kollha fl-Unjoni Ewropeja, biex nassiguraw li l-għanijiet li għaliha twaqqfet, jibqgħu l-oġġettivi ewlenin tagħna.

Fl-istess ħin, il-paċi għandha tkun il-gwida taċ-ċittadini attivi biex nibnu nazzjonijiet aktar inklussivi, aktar ekwi, u aktar ġusti, fejn kullħadd ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża.

 

Mingħajr il-paċi ma nistawx nibnu pajjiżi b’saħħithom, aktar prosperi u ġusti. Fi kliem Robert Schuman stess, li stqarr permezz tad-dikjarazzjoni tiegħu propju 66 sena ilu, u li fuqha hija mibnija l-Unjoni Ewropea, nikkwota:

 

“Il-paċi fid-dinja ma tistax tiġi mħarsa ħlief bi sforz kreattiv u li jikkompara, fil-kobor tiegħu, mal-periklu li qed jeddidha.”

 

Sfortunatament, l-istorja ta’ nazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, illum għadha mxekkla min-nuqqas ta’ ugwaljanza, min-nuqqas ta’ ġustizzja u min-nuqqas ta’ tolleranza. Għalhekk nemmen li jekk irridu nħarsu u nsaħħu dak li ksibna 66 sena ilu, jeħtieġ li naħdmu aktar għat-trasformazzjoni tal-kuxjenza Ewropea.

 

Jeħtieġ li kollha kemm aħna naħdmu favur il-paċi billi nħarsu lejn il-kawżi għall-konflitti u gwerer.

 

Huwa biss permezz ta’ djalogu kontinwu bejn min imexxi, djalogu bejn min ifassal il-politika, u djalogu bejn in-nies, li jista’ jkun hemm riżultat effettiv li fuqu tinbena il-paċi.

 

Irridu noħolqu aktar opportunitajiet ta’ spazji fejn stakeholders jiltaqgħu biex jitkellmu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Jeħtieġ li l-mexxejja Ewropej jaħdmu għal politika globali ta’ inkluzjoni kif ukoll għal rikonċiljazzjoni globali.

 

Dan iseħħ biss bid-djalogu u r-rispett kontinwu.

 

Jinħtieġ aktar tisħiġ fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea biex jiddefendu aħjar l-ġid komuni, u biex nassiguraw paċi effettiva u dejjiema, ħalli in-nazzjonijiet kollha, jirnexxu.

 

Irridu, bħala Unjoni Ewropea, nkunu ta’ eżempju qawwi biex dawn il-valuri li huma il-qalb tal-Unjoni Ewropea, ikunu ukoll il-valuri ta’ kull pajjiż fid-dinja.

 

Inħeġġeġ lil kullħadd biex nibnu flimkien kultura ta’paċi, għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

 

B’hekk biss nemmen li nistgħu nassiguraw li jkollna reġjun aħjar milli għandna llum, fejn il-paċi u l-prosperità, jimxu id f’id għal ġid ta’ kull wieħed u waħda minnha.

 

Konvinta li bis-saħħa tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewrpea fl-2017, ser insaħħu l-valuri li fuqhom mibnija l-Unjoni Ewropea, iżda wkoll se nkomplu nippromwovu d-djalogu għal aktar għaqda u paċi fir-reġjun Ewropew u Mediterranju.

 

J’Alla dan il-Jum iservi ta’ inċentiv biex il-ħolma Ewropea ta’ paċi u għaqda li tant ippromwova Schumann sseħħ tassew.

 

B’hekk ikollna raġun li nkunu kburin li aħna mhux biss Maltin , iżda ukoll, Ewropej.

 

Nawguralkom paċi, ġid u saħħa.