Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca dalgħodu kompliet bil-ħidma tagħha fir-Renju Unit fejn żaret tmien pazjenti Maltin rikoverati f’żewg sptarijiet f’Londra, tfal rikoverati fl-isptar Great Ormond, u pazjenti adulti fl-isptar nazzjonali tan-Newroloġija.
Il-President ta’ Malta ġiet milqugħa mill-kirurgu Malti għan-newroloġija Ludwig Zrinzo li ilu erbatax-il sena jaħdem fl-Ingilterra fejn ddiskutew aktar kollaborazzjoni kemm f’riċerka u anki appoġġ iktar psiko-soċjali għall-pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom.
Il-President żaret l-isptar Great Ormond li jikkura għadd ta’ tfal Maltin. Waqt laqgħa maċ-Chief Nurse Lisa Morgan, il-President rringrazzjat lill-isptar għall-kura li tingħata lill-pazjenti tfal Maltin f’dan l-isptar. Il-President stiednet lill-isptar biex jikkollabora mal-Malta Community Chest Fund favur tfal morda bil-kanċer. Il-President tat donazzjoni liż-żewg sptarijiet bħala turija ta’ apprezzament għall-appoġġ li jagħtu lill-pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom.
Il-President flimkien mal-organizzazzjoni Children With Cancer UK ddiskutew il-possibbilità ta’ kollaborazzjoni internazzjonali fuq inizjattivi b’risq tfal morda bil-kanċer. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Children With Cancer UK Mary Foulkes qalet li se tesplora l-possibbiltà li torganizza wkoll konferenza internazzjonali f’Malta bil-għan li jiġu diskussi oqsma relatati mal-kura tal-kanċer u l-pazjenti b’mod partikulari t-tfal. L-organizzazzjoni Children With Cancer UK twaqqfet sitta u għoxrin sena ilu b’inawgurazzjoni mill-Prinċipessa Diana u tagħti appoġġ prattiku lit-tfal morda bil-kanċer u l-qraba tagħhom u tinvesti f’ħafna riċerka fuq il-kanċer.