Il-Presidenza tqis il-ħidma tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) bħala kruċjali sabiex tkun żviluppata riċerka fuq kwistjonijiet li jolqtu l-ħajja tas-soċjetà Maltija mill-qrib.
Dan intqal mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt laqgħa li kellha maċ-Chairman tal-Awtorità ta’ Malta għall-Istatistika Albert Leone Ganado u d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Michael Pace Ross.
Il-President stiednet lill-NSO biex flimkien mal-Università ta’ Malta jidħlu fi sħubija mal-Presidenza ħalli flimkien ma’ stakeholders fis-settur soċjali u s-soċjetà inġenerali jkunu jistgħu jgħarblu l-isfidi soċjali.
Spjegat li r-riċerka hija għodda importanti li tgħin fl-evalwazzjoni ħolisitika ta’ problemi soċjali li jeżistu u oħrajn ġodda.
Il-President ta’ Malta semmiet ukoll il-Malta Community Chest Fund u spjegat kif qed issir evalwazzjoni soċjali ta’ każijiet partikolari sabiex tkun indirizzata l-problema tal-vulnerabilità kkawżata minn faqar u inugwaljanzi.
Dwar dan ukoll stiednet lill-NSO biex taħdem mal-Presidenza għaliex l-indikaturi soċjali li joħorġu mill-istatistika jagħtu stampa ċara u importanti fuq kwistjonijiet soċjali.