STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT U MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI

F’ittra datata d-29 t’Ottubru 2016 lill- President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, il-Papa Franġisku spjega li matul din is-sena tal-Ġublew, il-ħsibijiet tiegħu kienu ma’ dawk kollha li għandhom bżonn il-ħniena. Meta fis-6 ta’ Novembru, il-Papa Franġisku ċċelebra l-Ġublew tal-Priġunieri huwa tkellem fuq il-bżonn li d-dinjità tal-priġunieri tiġi rispettata b’mod sħiħ. Huwa tkellem ukoll fuq l-importanza tal-bżonn għar-riflessjoni sabiex ikun hemm ġustizzja penali li ma tkunx esklussivament punittiva, iżda ġustizzja penali li tkun waħda li tagħti t-tama u li twassal għar- riabilitazzjoni soċjali tal-priġunieri.

 

F’din l-ittra, il-Papa Franġisku talab biex tingħata maħfra lill-priġunieri, fl-okkażjoni tas-sena tal-ħniena.

 

“Din it-talba għall-maħfra, jien irreferejtha lill-Kabinett. Il-Kabinett laqa’ t-talba tal-Papa għall-maħfra u ingħatajt il-parir mill-Kabinett li, tingħata maħfra lil kulħadd ta’ tletin jum”, temmet tgħid il-President.

 

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali  Carmelo Abela tkellem kif  l-għan tal-impenn kontinwu fuq miżuri lejn ir-riabilitazzjoni huwa sabiex  jingħataw ċans ikbar li jirnexxu fis-soċjeta’ ġaladarba jirritornaw lura fiha. Qal li r-rijintegrazzjoni taqbel lil kulħadd għaliex din twassal għal nuqqas ta’ twettiq ta’ reati ġodda.

 

Huwa temm billi nnota li wara kull sentenza mogħtija ta’ piena karċerarja hemm il-vittmi u saħaq li kif ix-xogħol se jkompli kemm biex jingħata appoġġ lir-residenti tal-Faċilità kif ukoll lill-vittmi.

 

Il-Ministru għall-Intern irringrazzja lill-Arċisqof Charles Scicluna, għal mod ta’ kif f’ħidmietu iżomm fil-qrib ir-residenti tal-Faċilità f’Kordin.