Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet l-attività The President’s Bike Ride fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet u għaqdiet tal-muturi u r-roti. Din l-attività se ssir nhar il-Ħadd 26 t’Ottubru.
L-attività hija miftuħa għal dawk id-dilettanti kollha tal-muturi u r-roti, inkluż tfal li jsuqu r-roti. Kull parteċipant minn 16-il sena ‘l fuq se jiġi mitlub jagħti donazzjoni ta’ €10 għall-Malta Community Chest Fund.
Il-President Coleiro Preca spjegat li din l-attività se tkun festa sportiva li timmanifesta s-saħħa, s-sigurtà u s-solidarjetà. Hi sostniet li riċerka tal-akkademiku Andrew Decelis titfa’ dawl fuq in-nuqqas t’attività fiżika fost it-tfal, u żiedet li din l-attività se tkun qed tħeġġeġ lit-tfal jintegraw ruħhom f’xi tip ta’ sport.
Il-President ta’ Malta spjegat li permezz ta’ The President’s Bike Ride se ssir kampanja edukattiva fuq is-sigurtà tas-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti. Kien hawnhekk li rreferiet għal statistika li turi kif fl-aħħar erba’ snin in-numru ta’ sewwieqa tal-muturi jew ċiklisti li weġgħu fit-toroq Maltin irdoppja. Fid-dawl ta’ dan, il-President ta’ Malta sellmet lill-familji ta’ dawk li tilfu ħajjithom f’inċidenti simili.
Il-President spjegat li sfortunatament f’dawn l-aħħar għaxar snin, l-inċidenza tal-mard tal-kanċer irduppjat u għalhekk jeħtieġ li l-Malta Community Chest Fund ikompli jikber bil-għan li jkompli jkun ta’ sostenn lil dawk fil-bżonn.
Matul it-tnedija tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius li faħħar din l-inizzjattiva li torbot l-isport mal-volontarjat u spjega kif din l-attività irridu nappoġġjawha u nagħtuha s-sostenn.
Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport, Robert Cutajar semma il-valur tas-solidarjetà marbut ma’ din l-attività u spjega l-fatt kif l-isport f’pajjiżna, inkluż dak tar-roti u l-muturi, jimxi permezz tal-volontarjat li jkun ġej dejjem mill-għaqdiet u l-assoċjazzjonijiet sportivi li jmexxu dawn id-dixxiplini f’pajjiżna.
Waqt it-tnedija ta’ The President’s Bike Ride tkellem ukoll il-Kordinatur tal-Attivitajiet George Azzopardi li ta dettalji dwar din l-attività. Spjega kif is-sewwieqa tal-muturi u r-roti se jsuqu fuq żewġ rotot differenti li jitilqu mill-Palazz ta’ Sant’Anton u jispiċċaw f’Ta’ Qali, wara li jkunu daru ma’ nħawi madwar Malta. Fl-għeluq tal-attività se jittellgħu żewġ wirjiet separati tar-roti u l-muturi.
Dawk interessati biex jipparteċipaw f’The President’s Bike Ride jistgħu japplikaw online fuq www.mccf.org.mt