Waqt konferenza tal-aħbarijiet Heritage Malta ħabbru tlett inizjattivi ta’ arti, storja u kultura b’risq il-Malta Community Chest Fund. Il-Konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca saret fis-sala tat-Tron fil-Palazz tal-Belt Valletta, il-post li fuqu huma bbażati uħud mill-inizjattivi ta’ Heritage Malta b’risq il-Malta Community Chest Fund. L-affreski li jżejnu dawramejt in-naħa ta’ fuq tal-ħitan tas-Sala tat-Tron jirrappreżentaw ġrajjiet ewlenin li seħħew tul l-Assedju l-Kbir ta’ Malta
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca rringrazzjat lil Heritage Malta li għal darb’oħra qed tieħu inizjattivi biex permezz tal-istorja u kultura għanja Maltija jinżera’ l-ġid fis-soċjetà Maltija.
Ic-Chairman ta’ Heritage Malta Dr.Joe Buttiġieġ spjega kif Heritage Malta se tkun qed tniedi tlett inizjattivi: kalendarju li juri l-affreski tal-Assedju l-Kbir, impittra minn Mattia Perez d’Aleccio fis-Sala tat-Tron tal-Palazz; edizzjoni speċjali tal-ktieb fuq it-Tempji tal-Ġgantija u wirja fuq l-Assedju l-Kbir li se ssir matul l-2015. Parti mid-dħul minn dawn l-inizjattivi se jmur għall-Malta Community Chest Fund
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-President ta’ Malta spjegat kif wara li matul din is-sena il-poplu Malti jkun ingħaqad biex ifakkar għadd ta’ anniversarji mportanti fl-istorja ta’ pajjiżja, fl-2015 se nkunu qegħdin infakkru l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir tal-1565. Din il-ġrajja hija ta’ mportanza kbira għall-pajjiżna għax permezz tagħha Malta tpoġġiet fuq il-mappa dinjija u għax permezz ta’ din it-taqbida ġiet rikonoxxuta l-qlubija tal-Maltin fi ġlieda għal dak li jemmnu fih.
Il-President spjegat kif l-assedju li qed jiffaċċja l-poplu Malti llum mhuwiex bħal dak tal-1565, iżda dan ma’ jfissirx li l-isfidi li għandna quddiemna ma humiex qawwija. Fil-ħidma tagħha din il-Presidenza għażlet li tiffoka parti kbira mill-ħidma tagħha fuq l-aspett soċjali, għax temmen li hemm ħafna xi jsir f’dan il-qasam. Xhieda ta’ dan huwa t-tnedija tal-Fondazzjoni tal-President għal-Ġid tas-Soċjeta’ u l-ħidma sabiex il-Malta Community Chest Fund tieħu sura ġdida bil-għan li tiffunzjona aħjar, sabiex jinżamm it-tajjeb li hemm u jitkattar il-ġid li diġa qed tagħmel.
L-assedju kontra il-problemi li qed jimminaw is-soċjetà tagħna jistgħu jingħelbu biss jekk ilkoll niġbdu ħabel wieħed. Il-President ħeġġet lill-poplu Malti sabiex jikkonkorri għal dawn it-tlett inizjattivi sabiex flimkien inkomplu fil-ġlieda tagħna kontra dak kollu li fil-preżent qiegħed jassedja lis-soċjetà Maltija. “Is-suċċess jista jinkiseb biss permezz ta’ ġlieda bla heda kontra dawn id-diffikultajiet u ostakli li jistgħu jaffetwaw lil kulħadd mingħajr ebda’ distinzjoni.”
Il-Kalendarju ta’ Heritage Malta jinsab għall-bejgħ mill-Armerija fil-Palazz tal-Belt Valletta, u mill-ħwienet kollha ta’ Heritage Malta.