Waqt serata, organizzata mill-Uffiċċju tal-President u l-Akkademja tal-Malta, u li għaliha attendew kemm riċerkaturi fl-oqsma tal-Malti kif ukoll studjużi tal-istorja ta’ Malta, tnieda l-ktieb Fuq il-Passi ta’ Vassalli. Pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin flimkien mal-Akkademja tal-Malti bil-patroċinju tal-President ta’ Malta.
It-tnedija saret nhar il-25 ta’ Jannar 2019 fil-Palazz ta’ Sant’Anton u fl-istess okkażjoni l-President Coleiro Preca kixfet lapida komemorattiva biex jitfakkar għeluq il-190 sena mill-mewt ta’ missier l-ilsien Malti.
Dan il-volum ta’ 460 paġna jiġbor fih 36 kontribuzzjoni li jitfgħu dawl ġdid fuq Vassalli u jinkludi wkoll għadd sabiħ ta’ ritratti ta’ dokumenti u riproduzzjoni bil-kulur ta’ ktejjeb rari, u ftit magħruf, tal-Alfabeto Maltese.
Matul is-serata tat-tnedija nqraw siltiet mill-kitbiet ta’ Vassalli mill-Prof. Manwel Mifsud u mill-attriċi veterana u dixxendenti ta’ Vassalli nnifsu, Karmen Azzopardi u saru diskorsi mill-Prof. Frans Ciappara, is-Sur Liam Gauci u l-Mons. Lawrenz Cachia.
Dettalji biografiċi ta’ Vassalli flimkien mal-għejun tagħhom jikkumplimentaw dan il-ktieb li għandu jkun f’idejn l-istudjużi tal-Malti kif ukoll dawk li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna.
Fid-diskors li għamlet f’din it-tnedija, il-President Marie-Louise Coleiro Preca, tkellmet fuq kemm hu sabiħ li qed inkomplu niskopru lil Mikiel Anton Vassalli, anke permezz tal-ktieb li ġie mniedi. Hija qalet li Vassalli huwa, “is-simbolu storiku, fil-fehma tiegħi, tal-libertà intellettwali u kuraġġ politiku,” u qalet li Vassalli ta kontribut mill-aktar qawwi mill-lat lingwistiku, fejn anke kellu kuraġġ jippromwovi l-lingwa Maltija biex tkun il-lingwa tagħna u l-lingwa li niċċelebraw, ħaġa li ma kinetx faċli f’dawk iż-żminijiet. Hija rringrazzjat lill-Akkademja tal-Malti għal serata mill-isbaħ, flimkien mas-Sinjura Matilde Cordina tal-organizzazzjoni impekkabbli.
Il-President irringrazzjat ukoll lill-ħaddiema fi ħdan l-Uffiċċju tal-President mmexxija mis-Sur Alfred Debono li ħadmu sabiex jirrestawraw il-kamra fil-Palazz ta’ Sant’Anton li fiha kien inżamm priġunier Mikiel Anton Vassalli, li ġiet inawgurata wara t-tnedija tal-ktieb.