Twaqqif tal-Malta Community Chest Fund bħala Fondazzjoni

Illum il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet konferenza tal-aħbarijiet li matulha il-Malta Community Chest Fund saret Fondazzjoni.  Din kienet waħda mix-xewqat u l-ħsibijiet li kellha l-President ta’ Malta li kienet dik li l-MCCF issir Fondazzjoni, b’wieħed mill-għanijiet ewlenin ikun li l-MCCF tingħata iktar viżibilità u jsirilha skrutinju fl-operat tagħha.
 
L-istruttura tal-Fondazzjoni se tkun magħmula minn tliet bordijiet: 
 
·         Bord tas-superviżjoni li se jkun qiegħed jara x’linji gwida trid timxi fuqhom u fejn trid tasal
·         Bord tal-amministraturi li jrid jara li dak li qed jitlob l-ewwel bord jiġi implimentat.
·         Bord Konsultattiv.
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Presidenza se tibqa’ taħdem kemm tiflaħ għaliex il-Malta Community Chest Fund trid tibqa’ tkun hemm, ta’ sostenn finanzjarju, u ta’ spalla għal min jiġi bżonn f’sitwazzjonijiet kemm ta’ mard jew ta’ faqar.  Il-President ta’ Malta semmiet għadd ta’ każijiet fosthom ta’ mara bil-kanċer li minħabba li trabbi lil uliedha waħedha lanqas biss tmur għall-kura, u għaldaqstant saħqet li l-Malta Community Chest Fund tkun hemm mhux biss biex tgħin finanzjarjament iżda wkoll biex tagħti appoġġ soċjali.  Il-President saħqet li l-Malta Community Chest trid tibqa’ tgħin kemm tiflaħ, hekk kif dan huwa l-mod kif il-Maltin u l-Għawdxin ikunu magħqudin f’qalb waħda għal meta jiġi l-maltemp fuq xi ħadd.
 
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu tliet benefatturi tal-Malta Community Chest Fund, u ftit mill-mijiet kbar ta’ nies li jingħataw l-għajnuna.  Tkellmet Mary Rose Farrugia li hija omm tifel jismu Samuel li ta’ età żgħira tilef il-vista minħabba mard.  Tkellmu wkoll Nazalie Abela, omm ta’ tewmin b’diżabilità li tingħata għajnuna mill-Malta Community Chest Fund biex tkun tista’ trabbi lil uliedha b’inqas diffikultà, u Antoinette Degabriele, mara li għandha kanċer, u li ilha 4 snin tingħata mediċina speċjalizzata bl-għajnuna tal-Malta Community Chest Fund.  Grazzi għal din il-mediċina, Antoinette Degabriele tgħix f’saħħitha.
 
Illum il-MCCF topera mill-Belt Valletta, u għandha grupp żgħir ta’ ħaddiema, flimkien ma’ grupp ta’ voluntiera dedikati ħafna. Twaqqaf ukoll grupp ta’ professjonisti, li hu ffurmat minn psikologa, terapista tal-familja u social worker. Dawn jaraw il-każijiet u li l-għajnuna li tingħata tkun lil hinn mill-għajnuna mitluba għax ħafna drabi s-sitwazzjonijiet ikunu konsegwenza ta’ problemi ħafna akbar.
 
F’Mejju 2014 infetaħ f’Għawdex l-ewwel uffiċċju tal-MCCF li kien ġentilment misluf mill-Isqof Mario Grech. F’Diċembru nbidel l-uffiċċju għal dak li qed joperaw minnu preżentament.  Dan kien possibbli, bl-għajnuna tal-familja ta’ Michael Grech, li offrew dan il-post għal bżonnijiet tal-MCCF, għal dawn l-għoxrin sena li ġejjin, mingħajr ebda ħlas.  Dan l-uffiċċju qed jgħin, biex jinqata’ l-inkonvenjent li l-Għawdxin ikollhom jitilgħu Malta biex jibbenefikaw mis-servizz.  L-uffiċċju qiegħed jitmexxa minn persuna waħda u b’hekk is-servizz għal Għawdxin ġie iktar iffaċilitat.
 
Fi żmien sena, fix-xhur ta’ bejn April 2014 u Marzu 2015 l-MCCF tat għajnuna finanzjarja ta’ 2,086,205 euros u 870,000 ewro  f’għajnuna lill-NGO’s.
 
L-għajnuna mogħtija kienet mqassma hekk:
 
1,097,650 ewro f’kimoterapija speċjalizzata li mħux qiegħda fil-formularju tal- mediċina li tingħata mill-Gvern. Ibbenefikaw 141 persuna. Din il-kimoterapija hija għalja ħafna, u ġieli laħqet ‘il fuq minn għaxart elef jew aktar fix-xahar.
 
302,283 ewro f’mediċina oħra speċjalizzata li mhux qiegħda fil-formularju tal-mediċina li tingħata mill-gvern. Minn dan ibbenefikaw 99 persuna.
 
Din l-għajnuna tinħareġ wara li jkun hemm rakkomandazzjoni mill-ispeċjalisti tal-isptar u wara li l-każ ikun diskuss mill-bord speċjalizzat fi ħdan il-MCCF.
 
295,831 ewro f’għajnuna lill-familji li akkumpanjaw lill-marid barra l-pajjiż, dawn il-pazjenti jkollhom bżonn trattament speċjalizzat barra minn Malta fuq rakkomandazzjoni mill-ispeċjalisti lokali.  Ibbenefikaw 281 persuna. Din l-għajnuna tikkonsisti f’biljetti tal-ajru, trasport, ikel u akkomodazzjoni. 
 
254,146 ewro f’apparat mediku, dan jikkonsisti f’ għajnuna biex jinxtraw mobility aids, bħal wheel chairs, magħmulin speċifikament għal persuni li għandhom bżonnhom, sodod motorizzati u saqqijiet speċjali, adattazzjoni ta’ karozzi għal persuni b’diżabilità, u kull xorta ta’ apparat mediku ieħor. F’dawn il-każijiet il-MCCF taħdem id f’id mal-Kummissjoni Persuni b’Diżabilità biex il- persuni jingħataw servizz holistiku.  Ibbenefikaw 199 familja.
 
Għandna numru ta’ apparat mediku, li jikkonsisti f’sodod speċjali, wheel chairs u hoists, li jiġu mislufa għall-perjodu li l-individwu jkollu bżonn jagħmel użu minnhom.
 
119,726 euros f’għajnuna soċjali. Din tvarja minn white goods, vouchers għall-ikel u għajnuna biex studenti jkunu jistgħu jkomplu fl-istudji tagħhom. Ibbenefikaw 600 familja.
 
16,569 euros f’għajnuna lil xi entitajiet. Din tkun għajnuna li naraw li ma taqax taħt il-kriterji li jkun hemm għall-NGO’s. Ibbenefikaw 11.
 
B’ din l-għajnuna kollha, ibbenefikaw 1331 familja.
 
Kull applikazzjoni li tirċievi l-MCCF tkun evalwata individwalment u ‘means tested’  mill-Membri tal-Bord biex b’hekk jiġi evitat l-abbuż mis-sistema, u biex min verament ikollu bżonn l-għajnuna joħodha mingħajr dewmien.
 
Il-MCCF tgħin ukoll lill-familji li jkollhom bżonn xi għamara li l-MCCF tkun ingħatat mingħand il-pubbliku stess.
Żewġ żviluppi oħra li għamlet ukoll il-MCCF mat-twaqqif tal-Fondazzjoni huma l-aċċess tal-applikazzjoni online għas-servizz tal-MCCF, kif ukoll it-twaqqif ta’ grupp żgħir ta’ tliet persuni li se jkunu qed jevalwaw dawk il-każi li ma jkunux ġew aċċettati.
 
Matul din is-sena, sar ukoll tibdil fis-sistema ta’ kif l-NGOs jibbenefikaw mill-fondi tal-MCCF.  Saru diversi laqgħat anke f’Għawdex fejn ġie spjegat il-mod ta’ kif se jkun qed jimxi il-bord li ġie mwaqqaf apposta biex jevalwa dawn it-talbiet. Din is-sena se jkun hemm żewġ sejħiet. L-ewwel sejħa, li nfetħet għall-proġetti soċjali, ingħalqet fl-10 ta’ April u ġie imħabbar li applikaw 92. It-tieni sejħa se tkun miftuħa f’Lulju għal proġetti infrastrutturali.  Għall-ewwel darba wkoll, ġie mwaqqaf bord ta’ fejn wieħed jappella jekk l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet irrifjutata u jħoss li ma jaqbilx mad-deċiżjoni li tkun ittieħdet.
 
Waqt laqgħat li jsiru barra mill-pajjiż, infetħu negozjati biex isiru servizzi estiżi li għadhom mhumiex qed jiġu offruti fil-gżejjer tagħna, kollox relatat mal-mard. Għaddejjin ukoll taħdidiet, biex jinstabu aktar lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Londra għall-pazjenti Maltin li jmorru għal servizz mediku.